Bidu mill-Aqwa

04. 08. 2018
Festa Santa Marija English Programme
03. 08. 2018
Sa ma nerġgħu niltaqgħu Ġuż!
25. 08. 2018
 

Bidu mill-aqwa għall-Festi Solenni, Tradizjonali u Nazzjonali ta’ Santa Marija – jiem impenjattivi ta’ Festa għas-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Parroċċa tal-Katidral.

Il-jiem li għaddew kienu jiem verament sbieħ, kemm bl-attivitajiet, iżda wkoll bil-konkorrenza mill-aqwa ta’ bosta partitarji, parruċċani u devoti ta’ Santa Marija. Is-Soċjetà Filarmonika Leone tinsab verament rikonoxxenti għas-sehem ta’ mijiet ta’ persuni fl-ewwel jiem ta’ Festa, kif ukoll għad-dedikazzjoni tad-diversi voluntiera li jaħdmu ta’ kuljum fid-diversi sezzjonijiet tal-istess Soċjetà. 

 

Ħruġ ta’ Santa Marija min-Niċċa

Nhar il-Ħadd 29 ta’ Lulju 2018, fit-8:00am, mal-ħoss tas-salut u ta’ diversi murtaletti minn fuq l-Għolja ta’ Gelmus mill-Vampa Organisations, ingħatat bidu għall-Festa ta’ Santa Marija. Fl-10:00am, quddiem iċ-Ċentru Parrokjali, il-Banda Ċittadina Leone daqqet l-Innu Il Leone, sabiex timmarka l-bidu tas-servizzi tagħha għall-Festa ta’ din is-sena. Imbagħad, il-Banda Leone daqqet selezzjoni ta’ marċi brijużi madwar Pjazza Indipendenza, kif ukoll l-Innu Marċ Lil Santa Marija Assunta qabel telgħet it-Telgħa tal-Belt.
 

Parti mill-Innu ‘Il Leone’ mill-Banda Ċittadina Leone
 

Il-marċ spiċċa fil-Pjazza tal-Katidral, fejn il-Banda Ċittadina Leone imbagħad ingħaqdet mal-miġemgħa verament sabiħa diġa miġbura fil-Katidral. Il-Banda Ċittadina Leone tagħat bidu għall-ħruġ min-niċċa bid-daqq tal-Innu Marċ, fejn l-istatwa artistika u devota ta’ Santa Marija ħarġet f’nofs il-Katidral fost il-kant u ċ-ċapċip tal-mijiet miġbura. Fost il-innijiet esegwiti mill-Banda Ċittadina Leone kien hemm l-innijiet popolari Ifraħ, IfraħFerreħija jdoqqu l-qniepen; u Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa. F’din l-okkażjoni inqrat ukoll poeżija ta’ Ġanninu Cremona, kif ukoll saret il-ġabra speċjali tal-Festa. 

Kumpilazzjoni ta’ ritratti minn Joe Grech

Il-Ftuħ tal-Kwindiċina, u Jum is-Solidarjetà u l-Karità

Nhar it-Tlieta 31 ta’ Lulju 2018, sar il-Pontifikal Solenni tal-ftuħ tal-Kwindiċina fis-7:15pm, immexxiha mill-Arċipriet u bis-sehem tar-Reverendissimu Kapitlu Katidral. B’konkorrenza mill-isbaħ, u bis-sehem tar-residenti ta’ Dar Arka, kien mument verament sabiħ fejn il-Parroċċa setgħet tingħaqad flimkien fil-Katidral u f’dirgħajn l-Assunta, sabiex flimkien jingħata bidu għall-jiem tal-Kwindiċina li jwasslu għall-Għid tal-Assunta. Wara, sar riċeviment għar-residenti ta’ Dar Arka, bis-sehem tal-Aurora Folk Group, li ftit ħin qabel kien għadu kemm ingħata tifkira mill-Arċipriet, bħala apprezzament tas-suċċess li għamlu fil-Latvja, bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-akbar Folk Festival li qatt ittella’ fid-dinja.

 

Ritratt ta’ Betty Bugeja (Gozo Cathedral)

 

Jum il-Ħajja

Nhar l-Erbgħa, l-ewwel jum tax-xahar t’Awwissu, fil-quddiesa tal-Kwindiċina, saret il-preżentazzjoni tat-trabi li twieldu matul din l-aħħar sena taħt il-ħarsien ta’ Santa Marija ommna. Iċ-ċelebrazzjoni tad-don sabiħ tal-ħajja fl-Katidral kienet mmexxiha minn Dun Anton Teuma. Fi tmiem il-quddiesa, il-koppji kollha bit-trabi nġabru quddiem Santa Marija fejn saret talba fuqhom mill-Arċipriet. Dritt wara l-quddiesa, saret l-inawgurazzjoni u l-mixgħela tal-armatura l-ġdida tan-Nome de Maria fuq l-Għolja ta’ Gelmus magħmula mill-għaqda Vampa Organisations.

 

Video ta’ Betty Bugeja (Gozo Cathedral)

Jum il-Familja

Il-quddiesa tal-Kwindiċina ta’ nhar il-Ħamis 2 t’Awwissu 2018 kienet ppreseduta minn Dun Anton Teuma u kienet bi stedina lill-koppji kollha li żżewġu tul l-aħħar sena, jew għalqu l-25, 40 u 50 anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Wara l-quddiesa saru żewġ dawriet bi train għat-tfal kollha tal-Parroċċa. Filgħaxija, fil-Każin tal-Banda Leone, kien hemm ukoll l-ewwel kunċert preparatorju għall-Kunċert Leone Band in Concert: Festa Edition li se jittella’ nhar il-Ħamis 9 t’Awwissu 2018, quddiem il-Każin tal-Banda Leone fi Triq ir-Repubblika.

 

 

Il-jiem li għandna quddiemna

Il-jiem li ġejjin huma fost l-aktar impenjattivi, b’attivitajiet ta’ kuljum li jsegwu l-quddiesa tal-Kwindiċina. Inħeġġukom sabiex issegwu s-sit uffiċjali, b’mod speċjali l-programm tal-Festa (Hawn), kif ukoll is-siti soċjali fuq Facebook, sabiex dejjem tkunu aġġornati.

B’mod speċjali nħeġġukom sabiex tingħaqdu mal-Banda Ċittadina Leone għall-Kunċert Leone Band in Concert: Festa Edition nhar il-Ħamis 9 t’Awwissu. Dħul huwa b’xejn iżda tista’ tikseb postijiet riservati b’email fuq info@leone.org.mt jew b’sms fuq 99130694.