Sa ma nerġgħu niltaqgħu Ġuż!

25. 08. 2018
Bidu mill-Aqwa
04. 08. 2018
Tislima mill-Isbaħ
28. 08. 2018
 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone tinsab f’luttu għat-telfa tal-għażiż kaxxier preżenti u veteran tagħha Ġużi Abela, li seħħet ħin bla waqt nhar il-Ġimgħa 24 t’Awwissu 2018.

 

Abela, li kellu 71 sena, kien ilu 35 sena jservi lis-Soċjetà Leone bħala kaxxier mingħajr ebda interruzzjoni. Kien metikoluż u rett f’xogħlu, dejjem b’xi ċajta u kelma tajba fuq fommu u misjuq biss minn imħabba lejn is-Soċjetà. Wara 35 sena, Abela kien għadu jiġbor il-voti kollha fl-elezzjonijiet għall-kumitat tas-Soċjetà.

 

 

Ġużi, magħruf għan-namra tiegħu għall-biedja u l-agrikultura, li kienu l-impjieg tiegħu, l-istudju tiegħu u mbagħad, fi żmien l-irtirar tiegħu, komplew saru delizzju mill-isbaħ, twieled u għex f’familja ta’ partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Leone u parruċċani tal-Katidral fl-inħawi tal-Kapuċċini. Wieħed miz-zijiet tiegħu kien l-ispiżjar Wiġi Abela li serva fil-kumitat tas-Soċjetà meta ttellgħet Santa Marija fil-Katidral fl-1956, u Ġużi jgħidilna li kien dan li ħeġġu u ppreparah għall-kariga ta’ kaxxier. Ġużi serva wkoll għal snin twal fil-kumitat tal-festi esterni tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Kapuċċini.

Il-lambretta bajda tiegħu kienet sinonima ħafna quddiem is-Santwarju u l-Kunvent, fl-għelieqi li l-inħawi tal-Belliegħa għadhom igawdu u fuq l-għatba tal-każin fejn Ġużi kien iqatta’ sigħat twal jaħdem. Bi tbissima, kif ukoll b’serjetà u dedikazzjoni, kien dejjem jaħdem fil-Każin tal-Banda Leone, fejn għal għexieren twal ta’ snin mexxa l-finanzi tas-Soċjetà. Kien magħruf mal-membri attivi għaċ-ċajt li kien joħloq tbissima, anke f’mumenti ta’ tensjoni. Ġużi kien għas-Soċjetà pilastru, u ċertament li n-nuqqas tiegħu se jibqa’ jinħass fost il-membri kollha tas-Soċjetà, b’mod speċjali l-uffiċjali tal-Kumitat, li kienu jaħdmu mill-qrib tiegħu.

 


 

Huwa ħalla warajh lill-għażiża martu Mary Jane, uliedu Johnny, Simone u Mario bil-familji tagħhom, 6 ħutu – Annie, Toni, Lina, Grace, Maria u Pawlu, u bosta kuġini, qraba u ħbieb. Il-funeral tiegħu se jsir fil-Katidral ta’ Għawdex nhar it-Tnejn 27 t’Awwissu 2018. Il-Banda Ċittadina Leone takkumpanja l-koreto funebri minn quddiem il-Każin tagħha sal-Katidral fl-4:45pm. Il-quddiesa praesente cadavere ssegwi fil-5:30pm.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone twassal il-kondoljanzi tagħha lill-għeżież membri tal-familja Abela, u waqt li tgħaddi hija stess minn dan il-luttu trodd ħajr lil dawk il-baned, soċjetajiet u individwi oħra li qed juru s-solidarjetà tagħhom magħna f’dawn il-mumenti diffiċli.

 


Strieħ fis-Sliem Ġuż, sa ma nerġgħu niltaqgħu!
Agħtih O Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem.