Festa ta' Santa Marija
Il-festa ta' Santa Marija hija ċċelebrata fil-Belt Victoria ta' Għawdex mis-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Parroċċa tal-Katidral ta' Għawdex fil-15 t'Awwissu. Il-festi reliġjużi jikkonċentraw rwieħhom fil-Matriċi u Katidral ġewwa ċ-Ċittadella. Jiftħu biċ-ċelebrazzjoni tal-ħmistax -il Erbgħa ta' Santa Marija li jibdew fl-ewwel Erbgħa ta' Mejju u jibqgħu sejrin sa l-aħħar Erbgħa ta' qabel il-15 t'Awwissu. Mill-31 ta' Lulju sa l-14 t'Awwissu, il-WR Kapitlu Katidrali flimkien mal-parroċċa jżommu d-devozzjoni tal-Kwindiċina ta' Santa Marija. Hawnhekk jilħqu l-qofol tagħhom il-festi u l-attivitajiet soċjali u pastorali għall-kategoriji differenti tas-soċjetà. Matul din il-kwindiċina jibdew ukoll il-festi esterni, organizzati mis-Soċjetà Filarmonika Leone; liema festi jsiru f'kordinazzjoni stretta mal-parroċċa u f'xi okkażjonijiet b'mod konġunt. L-ewwel attività tkun ġeneralment il-Ħruġ popolari tal-vara ta' Santa Marija min-niċċa bis-sehem tal-Banda Leone. Minn hemm jitkomplew diversi kunċerti u attivitajiet oħra fosthom il-Programm Mużikali tal-Festa fi Triq ir-Repubblika u mbagħad il-marċijiet tat-Tridu, Dimostrazzjoni Solenni, Marċi Brijużi u Trijonfali u l-Purċissjoni Pontifikali ta' Santa Marija mill-Katidral ta' Għawdex. Is-Soċjetà Filarmonika Leone, b'kuntratt ma' l-Isqof Djoċesan għandha f'idejha l-organizzazzjoni esklussiva tal-festi esterni ta' Santa Marija. Din tinkludi l-parteċipazzjoni u stedin ta' baned, organizzazzjoni ta' marċijiet, armar tal-festa, nar u logħob pirotekniku, organizzazzjoni tal-briju, u l-organizzazzjoni tat-Tiġrijiet Nazzjonali tal-Bhejjem f'Jum Santa Marija fost l-oħrajn.