Tagħlim tal-Mużika

 

Il-ħidma tas-Soċjetà Filarmonika Leone hija mifruxa mas-sena kollha, b'impenji li jvarjaw fuq diversi binarji. Minkejja dan, l-għan prinċipali tas-Soċjetà Filarmonika Leone kien u jibqa' t-tagħlim tal-mużika. Infatti, dik li llum nafuha bħala Soċjetà Filarmonika Leone bil-fergħat u l-attivitajiet kollha tagħha, hija evoluzzjoni ta’ għaqda mużikali­ – il-Banda Ċittadina Leone, li hija l-omm u l-qalb tas-Soċjetà.

Preżentament, is-Soċjetà Filarmonika Leone qed toffri tagħlim tal-mużika mingħajr ħlas fuq l-istrumenti tar-ram u tal-qasba. Dan qed tagħmlu fi ħdan il-Każin tal-Banda Leone matul is-sena kollha. Is-Soċjetà toffri tagħlim minn fost l-aqwa għalliema tal-mużika f'pajjiżna. It-tagħlim fuq l-istrumenti tar-ram qed isiru minn Mark Gauci, filwaqt li t-tagħlim fuq l-istrumenti tal-qasba qed isiru minn Michael Pirotta

Sabiex tkompli ssaħħaħ it-tagħlim tal-mużika, is-Soċjetà waqqfet il-Kummissjoni dwar l-Iskola tal-Mużika; kummissjoni li qed timpenja ruħha sabiex, fi ħdan is-Soċjetà, tkabbar it-tagħlim u tifirxu wkoll fuq dixxiplini differenti.

Dawk interessati għandhom jikkuntatjaw lis-Soċjetà Filarmonika Leone fuq info@leone.org.mt jew 99553828.