Sezzjoni Briju Santa Marija
Is-Sezzjoni Briju Santa Marija, flimkien ma' għaqdiet oħrajn, tieħu ħsieb tal-elementi kollha neċessarji għall-briju festiv matul il-marċijiet tal-festa ta’ Santa Marija. Il-festa ta’ Santa Marija kienet u tibqa’ waħda mill-pijunieri fejn jidħlu marċijiet brijużi, fil-passat b’individwi dilettanti, u llum, bis-sezzjoni li taħdem biex tipproduċi u tiffinanzja l-oġġetti u s-sorpriżi. Fil-fatt, din is-sezzjoni, f’konsultazzjoni mal-moviment taż-żgħażagħ u b’approvazzjoni mill-kumitat ċentrali, taħdem ħafna fil-mistur matul is-sena biex ix-xogħol tagħha jitgawda b’sorpriżi fil-marċijiet ta' Gedrin, lejlet u nhar il-Festa, jiġifieri, 11, 14 u 15 t'Awwissu. Sabiex jiffinanzjaw l-ispejjeż kollha relatati ma' dawn il-marċijiet, is-Sezzjoni Briju matul is-sena torganizza bosta attivitajiet soċjali għall-partitarji kollha tas-Soċjetà Filarmonika Leone.