Banda

 

Il-Banda Ċittadina Leone hija l-omm u l-qalb tas-Soċjeta`. Dik li llum nafuha bħala Soċjetà Filarmonika Leone bil-fergħat u l-attivitajiet kollha tagħha, hija evoluzzjoni ta’ għaqda mużikali­ – Banda Leone. Hija tesegwixxi marċi brijużi u programmi mużikali diversi matul is-sena, ewlenin fosthom il-Programm Mużikali Annwali f’Novembru fit-Teatru ta’ l-Opra Aurora, il-Programm ta’ Mużika Sagra fil-Ġimgħa Mqaddsa ġewwa l-Katidral ta’ Għawdex, il-Programm Mużikali f’Awwissu fi Triq ir-Repubblika u l-Kunċert Mużikali Leone Goes Pop. Il-Banda Ċittadina Leone tieħu sehem ukoll f’diversi festi fl-irħula Għawdxin, bi programmi mużikali fil-pjazzez ewlenin ta' diversi rħula, fosthom iż-Żebbuġ, ix-Xagħra u Għajnsielem, b’marċi brijużi u popolari f'irħula Għawdxin, u takkumpannja l-purċissjonijiet tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kapuċċini fir-Rabat u dik ta’ Santa Luċija fl-irħajjel li jġib isimha. Is-servizzi l-aktar importanti jibqgħu dawk fil-jiem ta’ Santa Marija bil-qofol ta’ kollox jintlaħaq fl-akkumpannjament tal-Purċissjoni solenni ta’ Santa Marija mill-Katidral ta’ Għawdex. Servizz ieħor li huwa għall-qalb tal-Banda Ċittadina Leone huwa żgur l-akkumpanjament tal-banda mal-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Knisja Katidrali.