Teatru

 

It-Teatru tal-Opra Aurora, mibni bejn l-1971 u 1976 skont il-pjanti, disinni u dekorazzjoni tal-artist rinomat Malti Kav. Envin Cremona, flimkien mal-arkitett Joseph Naudi, jilqa’ fih sa 1,600 ruħ. Dan it-teatru għandu sala spazjuża b’art inklinata b’tali mod li l-prestazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu segwiti b’kumdità minn dawk kollha preżenti fis-sala. Id-disinn tat-teatru f’forma tal-ittra ‘U’, l-inklinazzjoni ġentili, strutturi arkitettoniċi u l-materjal, b’mod speċjali is-suffit, jagħtu lit-Teatru tal-Opra Aurora l-akustika perfetta ideali għall-produzzjonijiet operistiċi u oħrajn mużikali.

It-Teatru tal-Opra Aurora huwa l-akbar teatru operistiku f’Malta, u apparti fis-sala, jista jilqa’ persuni ukoll f’hall boxes li taċċessahom mis-sala,  f’diveri livelli ta’ tiered boxes u anke gallerija fil-livell ta’ fuq nett.

Dan it-teatru ġie mibni f’villa tal-bidu tas-seklu dsatax. Ġie inawgurat b’programm mużikali mill-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Sammut, nhar id-9 t’Ottubru 1976. L-ewwel produzzjoni opersitika fit-Teatru tal-Opra Aurora, kif ukoll fil-gżira t’Għawdex kien nhar is-7 u 8 ta’ Jannar 1977, bl-eżekuzzjoni tal-opra Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Sammut. Infatti, fl-2017, is-Soċjetà Filarmonika Leone qed tiċċelebra l-erbgħin anniversarju mill-ewwel opra f’Għawdex, u fl-2016 iċċelebrat ukoll l-erbgħin anniversarju mill-ftuħ ta’ dan it-teatru.

 

Speċifikazzjonijiet tat-Teatru tal-Opra Aurora

Spazju

1000 ruħ fis-sala, u 600 ruħ fil-livelli.

Dimenzjonijiet tal-palk

Wisa ta’ 12-il metru, fond ta’ 10 metri u għoli ta’ 6 metri (flimkien ma’ 5 metri oħrajn moħbija)

Dimenzjonijiet tal-orchestra pit

Wisa’ orizzontali ta’ 14-il metru, wisa’ għall-fond ta’ 4 metri u fond ta’ metru u nofs, li b’kollox tilqagħa fiha sittin mużiċist.

Faċilitajiet ta’ Front-of-House

Entratura, foyer u bar fil-pjan terran, foyer quddiem il-bieb prinċipali tas-sala tat-teatru fl-ewwel pjan u żewġ swali t’akkoljenza fl-ewwel u fit-tielet pjan, li jilqgħu sa 150 u 300 ruħ rispettivament.

Faċilitajiet ta’ parkeġġ

Parkeġġ b’xejn fil-parkeġġ prinċipali tal-Belt Victoria, mitt metru ‘l bogħod mill-entratura ta’ wara tat-teatru. Parkeġġ b’xejn fuq quddiem tat-teatru, iżda li ġeneralment ikun restritt fil-lejl ta’ produzzjonijiet maġġuri.

Dwal fuq il-palk

Il-palk huwa armat b’settijiet ta’ dwal ta’ front-of-house, dwal tal-palk u apparat ieħor, fosthom ta’ projezzjoni. Apparti minn hekk, it-teatru huwa armat b’sistema ta’ dwal t’emergenza u dwal tal-ħruġ t’emergenza.

Backstage

Kamra għall-orkestra, tlett changing rooms singoli u żewġ changing rooms kbar, flimkien ma’ żewġ green rooms u kamra għall-make-up u hairdressing, kollha b’aċċess għall-backstage.

Faċilitajiet sanitarji

Backstage: Toilets separati għall-irġiel u n-nisa, flimkien ma’ xawer komuni.

Sala: Toilets separati għall-irġiel u n-nisa, flimkien ma’ front-of-house toilets għall-irġiel, nisa u persuni b’diżabilità.

Livelli (tiers): F’kull livell issib toilets separati għall-irġiel, nisa u persuni b’diżabilità. Kull toilet huwa attrezzat skont l-miżuri tas-saħħa u l-aċċess maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Saħħa u Sigurtà

It-Teatru u l-Front-of-House huma attrezzati b’apparat ta’ tifi tan-nar u persunal imħarreġ fit-tifi tan-nar bażiku.               

Aċċessibilità

It-teatru għandu lift li jwassal lill-persuni mill-livell terran għall-livelli kollha tat-teatru. Għalkemm it-teatru huwa aċċessibli għall-persuni bl-użu ta’ siġġu tar-roti, dawn huma mitluba jinfurmaw lill-persunal tat-Teatru tal-Opra Aurora sabiex dawn ikunu jistgħu jassistu fil-bżonn.

Wirja t’interess għal kiri, jew talbiet għal aktar informazzjoni jistgħu jsiru billi tibgħat email fuq info@leone.org.mt.

Instagram