Aurora Youth Movement
L-Aurora Youth Movement, kif nafuh illum, twaqqaf fl-1972 mis-sur Anton Farrugia bl-għan li jkompli jiġbed aktar żgħażagħ lejn is-Soċjeta` Filarmonika Leone u jedukahom mil-lat akkademiku u mil-lat kulturali u mużikali. Huwa kontinwazzjoni ta' diversi organi oħra preċedenti li minn żmien għal żmien is-Soċjetà Leone kienet tifforma speċifikament indirizzati għaż-żgħażagħ. Il-moviment huwa responsabbli minn kull tip ta’ ħidma li tinvolvi ż-żgħażagħ li taqa’ taħt l-awspiċi tas-Soċjetà Leone.
Maż-żmien dan il-moviment żviluppa, fejn illum naraw lill-Aurora Youth Movement jaħdem sabiex jilħaq l-għan li jgħaqqad liż-żgħażagħ b'involviment teatrali u mużikali. Ibbażat fit-Teatru tal-Opra Aurora u fis-Soċjeta' Filarmonika Leone, il-moviment taż-żgħażagħ għandu bażi b'saħħitha fejn jista jilħaq l-għanijiet tiegħu. Fil-qasam tat-teatru, l-Aurora Youth Movement ħadem sabiex f'Novembru 2015 tella' l-produzzjoni Il-Ħajja Xejn Cool ta' Teenager Jismu Julian, kitba ta' Simone Spiteri u f'ko-produzzjoni ma' Studio18. Din il-kollaborazzjoni rendiet il-frott, f'produzzjoni ta' teatru intimu kemm għall-iskejjel kif ukoll għall-pubbliku inġenerali. Għalhekk, f' Mejju 2017, l-Aurora Youth Movement se jkun qed jerġa jaħdem sabiex tittella' produzzjoni oħra ta' teatru intimu fit-Teatru Aurora, din id-darba b'produzzjoni totalment oriġinali.
Dan il-moviment dejjem wera l-kollaborazzjoni infinita tiegħu mal-Parroċċa tal-Katidral, fejn f'bosta attivitajiet dan il-moviment organizza, jew għen fl-ippjanar u l-organizzazjoni tagħhom. Fost dawn l-attivitajiet, ta' kull sena insibu diversi parties u attivitajiet għat-tfal u għaż-żgħażagħ. Fl-2016, l-Aurora Youth Movement ħa ħsieb li jorġanizza ġita għaż-żgħażagħ ġewwa r-reġjun tat-Toskana, safra li attirat numru sabiħ ta' żgħażagħ fejn flimkien esploraw ir-rikkezzi artistiċi li joffri dan ir-reġjun.