Surmastrijiet

 

Matul il-medda ta' aktar minn 154 sena ta' ħajja, il-kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Leone dejjem ħa ħsieb li jakkwista l-aħjar surmastrijiet ta' dak iż-żmien għall-banda. Fil-fatt, tista' tiftaħar b'14 -il surmast li kollha ħallew impatt pożittiv u notevoli fuq il-banda. Hekk insibu pereżempju, l-ewwel surmastrijiet li kienu strumentali għat-twaqqif tal-banda. Anton Miruzzi ħallielna fost l-ewwel kompożizzjonijiet funebri u Vincenzo Carabott l-ewwel innu l-kbir ta' Santa Marija; l-ewwel wieħed li qatt kien hawn f'Għawdex. Warajh ġie Orlando Crescimanno bil-kapulavuri tal-innu l-kbir u l-innu La Croce (1913); żewġ ġawhriet fl-arkivji mużikali; arkivji li komplew jistagħnew bil-mużika ta' Giovanni Giumarra, l-ewwel surmast impjegat f'Għawdex, u Ġużè Stivala li t-tnejn li huma ġabu unuri kbar lill-banda bir-rebħ ta' kompetizzjonijiet mużikali esegwiti minnha. Tkompli l-lista u jitfaċċaw ismijiet notevoli bħal Willie Attard li ħallielna wirt mużikali tant għażiż għall-purċissjoni ta' Santa Marija, Joseph Sammut li beda l-opri fit-Teatru Aurora u s-surmast attwali Colin Attard li, apparti milli għandu rekord ta' opri li dderieġa fit-Teatru tal-Opra Aurora, kien strumentali biex aġġorna l-orjentament u l-identità tal-banda li tgħożż u teċċella kemm fil-klassiku kemm fil-kontemporanju.

Is-Surmast Direttur tal-banda jiġi maħtur mill-Kumitat Ċentrali iżda mhux membru fih. Ikun mistieden għal xi laqgħat tal-Kummissjoni Banda biex jagħti pariri u opinjonijiet tekniċi u loġistiċi dwar mużika li l-kummissjoni tkun trid tipproponi lill-kumitat biex tindaqq f'xi okkażjonijiet, kif ukoll jiġi mistieden għal-laqgħat tal-Kummissjoni Opra.

Mro. Dirjanu Lanzon (1863-1879)Mro. Ġorġ Tabone (1863-1872)Mro. Akille Lanzon (1879-1884)
Mro. Anton Buhagiar (1885-1887)Mro. Emanuele Vassallo (1888-1889)Mro. Anton Miruzzi (1890-1893)
Mro. Vincenzo Carabott (1893-1910)Mro. Orlando Crescimanno (1911-1923)Mro. Giovanni Giumarra (1923-1933)
Mro. Ġużeppi Stivala (1933-1936)Mro. Luigi Di Mauro (1937-1941)Mro. Pawlu Lanzon (1942-1944)
Mro. Willie Attard (1944-1957)Mro. Joseph Abela Scolaro (1957-1958)Mro. Joseph Sammut (1958-1991)
  
Mro. Colin Attard (1991- )