L-istorja

 

Teatru ġdid - It-Teatru tal-Opra Aurora (1976 - )

L-oriġini tal-opra lirika fil-gżira t'Għawdex tmur lura lejn l-1976, meta l-kumitat ħabrieki tas-Soċjetà Filarmonika Leone daħal għal proġett ambizzjuż biex tlesta l-bini tat-teatru. Għalkemm il-kumitat ħabbat wiċċu ma' diversi problemi u sfidi li kellu quddiemu, wara ħames snin ta' ħidma kontinwa, saret l-inawgurazzjoni uffiċjali ta' dan it-teatru. Dan it-teatru tal-opra ħa post u isem it-Teatru Aurora li kien hemm fi Triq l-Arċipriet Saver Cassar, fir-Rabat u li kien ukoll propjetà tas-Soċjetà Filarmonika Leone. It-teatru 'l-antik' kien l-uniku teatru f'dak iż-żmien fejn barra li kien juri films regolarment, kien jipprovdi wkoll għall-pubbliku Għawdxi, kull tip ta' arti teatrali.

Qawmien ta’ l-opra fil-gżejjer Maltin

L-għan, li tant ħadmet għalih is-Soċjetà Leone, intlaħaq f'Jannar tal-1977, tliet xhur biss wara l-ftuħ uffiċjali tal-istess Teatru tal-Opra. L-opra ta' Giacomo Puccini, Madama Butterfly fetħet is-siparju għall-opra lirika ġewwa l-gżira ta' Għawdex. Dan il-proġett ġab miegħu tibdil radikali fil-qasam operistiku anke f’Malta, fejn reġa' ta spinta 'l quddiem lill-qasam teatrali ġewwa l-gżira l-kbira. Dawk il-membri u partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Leone li għandhom ftit taż-żmien, ilkoll għadhom jiftakru sewwa dawn l-esperjenzi u dawn il-paġni glorjużi tas-Soċjetà għażiża tagħhom; ilkoll għadhom jiftakru tajjeb x’limitazzjonjiet kien hemm biex jinħadmu l-opri, iżda żgur li ħadd minnhom ma jinsa b’liema spirtu kien isir dan ix-xogħol volontarju kollu biex il-kast ta’ membri u partitarji jkun inkurunat minn solisti professjonali biex, bir-raġun, is-servizz ta’ bejn il-fliegu jkollu jirranġa l-iskeda biex jakkomoda l-eluf ta’ Maltin dilettanti tal-opra, li sa l-1976, kienu mċaħħdin jew ristretti fl-għażla.

Ismijiet distinti

L-esekuzzjoni tal-opra Madame Butterfly wasslet għal diversi suċċessi oħrajn fil-qasam operistiku, proprju ġewwa dan it-teatru. Diversi surmastrijiet diretturi ta' kalibru, bħalma huma t-Taljani Alberto Leone u Giovanni Venere, il-Malti Joseph Sammut u l-Għawdxin, Joseph Vella u sa mill-1994, Colin Attard, iddiriġew il-produzzjoni mużikali tal-opra. Dan it-teatru jista’ jiftaħar ukoll b’lista twila ta’ ismijiet prestiġjużi ta’ fama mondjali li lkoll iddebuttaw fuq il-palk tiegħu. Dawn huma ftit minn dawk li l-pubbliku Għawdxi u Malti kellu x-xorti jara bis-saħħa tat-Teatru Aurora: Eva Marton, Raina Kabaivanska, Milena dal Piva, Rita Lantieri, Maria Pia Jonata u Paola Romanò (soprani), Gloria Scalchi, Sylvie Brunet u Katia Angeloni (mezzo-soprani), Nicola Martinucci, Salvatore Fisichella, Gianfranco Cecchele, Benito Maresca, Luciano Saldari, Vincenzo Bello (tenuri), Giuseppe Scandola, Franco Giovane, Marzio Giossi u Luigi de Corato (baritoni) u Mario Luperi u Ivan Tomasev (baxxi). B’dawn l-ismijiet, it-Teatru Aurora bħal teatri oħra rinomati madwar id-dinja, tassew għandu biex jiftaħar; b’dawn l-ismijiet, it-Teatru Aurora jingħaqad ma’ oħrajn fid-dinja biex juri li għandu ġew artisti internazzjonali wkoll; b’dawn l-ismijiet ukoll, it-Teatru Aurora jkompli tiela’ fuq pedestall għalih, fil-gżejjer Maltin.

Opra u spettakli

It-teatru tagħna, Aurora, ma rax biss kantanti kbar tal-opra. Personalitajiet ta' fama mondjali, fil-qasam teatrali u mużikali, ħallew ukoll isimhom bil-produzzjoni tagħhom f'dan it-teatru. Fost dawn insemmu lil Stefania Rotolo, Pupo, Bary Mason, Katrina u Paolo Vallesi u Marco Masini.

Għeluq

Fuq disinn u dekorazzjoni tal-Professur il-Kav. Envin Cremona, it-Teatru tal-Opra Aurora jesa' xejn inqas minn 1,600 ruħ, għandu akwistika perfetta u orchestra pit ta' daqs pjuttost kbir. Dawn l-elementi flimkien ma’ oħrajn, jagħmlu dan il-ġojjel bħala l-isbaħ u l-akbar Teatru tal-Opra fil-gżejjer Maltin. Għalkemm dan it-teatru huwa mantenut minn membri volontarji, ix-xogħol ta' dawn il-persuni qed iħalli riżultati professjonali.

 


Ħajr: Louis Xuereb, eks-President tal-Banda