Is-Soċjetà
Is-Soċjetà Filarmonika Leone A.D.1863 hija organizzazzjoni mużikali volontarja bl-iskop li sservi ta' skola ta' mużika, tmexxi l-Banda Ċittadina Leone, tieħu ħsieb il-festi esterni ta' Santa Marija, torganizza attivitajiet teatrali, teduka u tifforma lill-membri tagħha b'emfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti.
Is-Soċjetà tikkonsisti f'diversi fergħat, iżda l-qalb tagħha hija l-banda. It-twaqqif tagħha jmur lura lejn l-1863 bħala l-ewwel banda Għawdxija, iffurmata minn żewġ baned - Tal-Binu (Ġorġ Tabone) u Ta' Dirjanu (Dirjanu Lanzon). Maż-żmien, is-Soċjetà kibret u evolviet għal dik li nafuha llum b'diversi fergħat u sezzjonijiet ta' għamla u natura diversa.
Is-Sede tas-Soċjetà Filarmonika Leone huwa l-każin tal-banda li jinsab f’numru 100, Triq ir-Repubblika, Victoria, VCT 1017. Dan il-kumpless jiġbor fih: bar, diskoteka u t-Teatru tal-Opra Aurora, immexxi mis-Soċjetà stess. Is-Soċjetà għandha kumitat ċentrali li jiġi elett fil-bidu tas-sena mill-bandisti effettivi u residenti mal-Banda Leone. Il-kumitat imbagħad, jieħu ħsieb jifforma s-sottokumitati u kummissjonijiet oħra skond il-ħtieġa.
L-emblema tas-Soċjetà hija l-Iljun bl-arpa imdawwar bil-friegħi tar-rand. Il-membri tagħha, kif jixhed l-innu uffiċjali tas-Soċjetà, Il Leone, jaraw f'dan l-Iljun, simbolu tal-qawwa u l-kuraġġ li bih jaħdmu għall-ġid komuni tas-Soċjetà Leone, tal-membri tagħha u s-Soċjetà Għawdxija.