Żjara tal-E.T. Mons. Isqof lis-Soċjetà Leone

11. 01. 2021
ed
Kumitat Ċentrali 2021
30. 12. 2020

Tibżgħux tkellmuni u tressqu l-proposti tagħkom.  Jien lest li nisma”.  Stqarrija ta’ inkoraġġiment espressa mill-fomm tal-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex waqt l-ewwel żjara li hu għamel lis-Soċjetà Filarmonika Leone AD 1863 fil-Każin tagħha u fit-Teatru tal-Opra Aurora nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Jannar 2021

Akkumpanjat mill-Arċipriet Mons. Joseph Sultana u l-Vigarju Parrokjali Dun Daniel Sultana, l-E.T. Mons. Isqof beda ż-żjara tiegħu b’laqgħa mal-bandisti u membri tal-fergħat, fosthom żgħażagħ mill-Aurora Youth Movement.  Il-President Dr Michael Caruana LL.D. wera l-apprezzament tiegħu li l-E.T. Mons. Isqof, jew aħjar Dun Anton, kif talab li jiġi msejjaħ, laqa’ l-istedina li s-Soċjetà għamlitlu. Il-President spjega li oriġinarjament u fil-veru prinċipju, il-Każin tal-Banda Leone huwa marbut mal-banda, li marbut miegħu għandu wkoll sferi differenti, li b’mod partikolari jinvolvu liż-żgħażagħ.  L-għan ewlieni tas-Soċjetà, hekk kif innota Dr Caruana, hu li wieħed jibni l-karattru taż-żgħażagħ, jedukahom u jżommhom ‘l bogħod mill-vizzji li jistgħu jħassrulhom ħajjithom.  Irrimarka li s-Soċjetà hija marbuta mal-Knisja Katidrali għaliex wara kollox hija l-Parroċċa li lilha s-Soċjetà rregalat l-aqwa teżor li qatt kellha – l-istatwa tant għażiża ta’ Santa Marija.  Is-Soċjetà Leone hi responsabbli mill-organizazzjoni tal-festi esterni ta’ Santa Marija, fejn b’mod partikolari, is-Soċjetà tagħti importanza primarja lill-ispiritwalità u l-veru sens tal-festa.

 

 

Min-naħħa tiegħu, l-E.T. Mons. Isqof irringrazzja lill-President ta’ din l-istedina u l-opportunità li s-Soċjetà għoġbha tagħmillu.  Dun Anton enfassizza kemm huwa importanti u sabiħ is-sapport li s-Soċjetà tagħti lill-Parroċċa Katidrali.  Huwa starr li din hi t-triq ta’ inizjattiva, li tgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw it-talenti taghhom, u fuq kollox it-triq ta’ Ġesu’ Kristu – li hi t-triq l-aktar sigura li żżommhom ‘l bogħod mid-droga, mill-abbuż tal-alkohol u vizzji oħra – għaliex Ġesu’ Kristu jagħmlek kuntent mingħajr dan kollu.

Iż-żgħażugħa Luana Curmi, għan-nom tal-Aurora Youth Movement, ippreżentat ittra lill-E.T. Mons. Isqof, fejn fost l-oħrajn spjegat l-irwol tal-AYM, anke fir-relazzjoni taż-żgħażagħ mal-Parroċċa u l-importanza li ż-żgħażagħ jagħtu lill-ispiritwalità tal-Festa ta’ Santa Marija. Barra minn hekk, uriet id-diżappunti u problemi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ u resqet proposta kif żgħażagħ fi ħdan id-Djocesi jistgħu jiltaqgħu flimkien.  L-Isqof apprezza mmensament il-proposta ta’ dawn iż-żgħażagħ u saħansitra talabhom jerġgħu jiltaqgħu miegħu, fejn ilestulu sett ta’ mistoqsijiet ħalli jiddibattu flimkien mistoqsijiet relevanti fuq il-knisja, fuq il-Parroċċa u saħansitra fuq il-fidi.   L-Isqof temm din il-laqgħa fejn enfasizza l-punt li “irridu nibnu żgħażagħ b’moħħ, żgħażagħ maturi u żgħażagħ kburin bihom infushom”.

 

 

Wara li l-E.T. Mons. Isqof iffirma l-ktieb tal-viżitaturi, saret laqgħa mal-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà.  Il-President spjega kif il-kumitat hu magħmul minn element tajjeb ta’ membri ħabrieka u responsabbli u li jirrapreżentaw id-diversi ħidmiet u fergħat tas-Soċjetà.  Enfasizza wkoll fuq ir-rabta u r-relazzjoni li għandu jkollha s-Soċjetà mal-Parroċċatal-Katidral, għaliex ma tistax tifred waħda mill-oħra. Huwa qal li hemm potenzjal fejn inkomplu naħdmu, ngħinu u nikkontribwixxu aktar. Kull membru tal-Kumitat introduca lilu nnifsu u fisser l-irwol tiegħu. 

L-Isqof stqarr: “Bħala Għawdxi nirringrazzjakom li tgħinu lis-soċjetà Għawdxija, kemm fil-kultura, kif ukoll li bl-aspett estern tal-festa tgħinu r-reliġjożità, li tgħin ħafna għall-fidi.  Nirringrazzjakom ukoll għall-aspett edukattiv li tipprovdu mill-każin.Bħala qassis u Isqof inħoss li għandi relazzjoni magħkom ta’ responsabbiltà lejn l-aspett tal-fidi tagħkom u li tkomplu tiskopru kemm hu sabiħ Ġesu’ Kristu.  Inħoss li f’ambjent bħal dan, aktar ma jkun hemm valuri nsara, aktar tagħmlu ġid ma’ dawk li jkunu hawn ġew.  Aħsbu li jkollkom nies ta’ valuri bħalkom.”

Fi tmiem ta’ din iż-żjara l-President ippreżentalu ikona tal-fidda ta’ Santa Marija bħala tifkira tal-okkażjoni.  Is-Soċjetà hija grata u onorata ferm b’din iż-żjara u tħares ‘l quddiem għall-kollaborazzjoni sħiħa u relazzjoni aħjar bejn is-Soċjetà, il-Parroċċa  u d-Djoċesi.