Ħriġna bl-Unuri

24. 09. 2021
29 ta’ April 1956 – 65 sena wara
28. 04. 2021
Laqgħa Ġenerali Annwali 2021
07. 11. 2021

L-istorja mimlija unuri tal-Ewwel Banda Għawdxija kompliet tintiseġ nhar it-Tlieta 21 ta’ Settembru 2021…

L-istorja mimlija unuri tal-ewwel banda Għawdxija kompliet tintiseġ nhar it-Tlieta 21 ta’ Settembru 2021 meta l-Banda Ċittadina Leone A.D. 1863 ħadet sehem fi programm mużikali fl-okkażjoni tas-57 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta fi Pjazza Sant’Wistin, il-Belt Victoria. Dan il-programm mużikali kien organizzat mill-Kumitat Festi Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u sar bis-sehem taż-żewġ baned tal-Belt Victoria.

 

 

Il-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Colin Attard, esegwiet erba’ siltiet mużikali ċelebri. Ftaħna bis-silta mużikali “Shoulder to Shoulder”, kompożizzjoni tas-Surmast Ġużeppi Stivala, li bejn l-1933 u l-1936, kien surmast direttur tal-banda tagħna. Filfatt, Stivala kien ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda Leone fis-sena tal-festi speċjali tas-70 Anniversarju tal-Banda Leone, 1933 u fost l-ewwel kompożizzjonijiet illustri tiegħu kien ħallilna l-istess innu tal-banda Il Leone, magħruf minħabba l-kliem tiegħu bħala l-isfida. Din is-silta Shoulder to Shoulder titratta l-koperazzjoni tal-forzi Ingliżi u l-poplu Malti tul it-Tieni Gwerra Dinjija, iż-żmien li fih inkitbet din il-marċja klassika. Infatti, din il-kompożizzjoni tinkorpora u żżewweġ iż-żewġ innijiet nazzjonali, dak Malti ta’ Robert Sammut u l-God Save the Queen.

It-tieni silta tal-Banda Leone kienet medley mill-mużika ċinematografika Charles Chaplin, li flimkien ma’ oħrajn, huwa wkoll il-kompożitur ta’ xi temi mużikali minnhom. Din is-silta qanqlet memorji fost l-udjenza, mhux biss minħabba l-films li jfakkruna fihom imma anki memorji għall-partitarji tagħna stess ta’ meta l-Banda Leone daqqet din is-silta f’dawk li kienu l-oriġini tal-kunċerti pop tal-banda tagħna meta kienu għadhom fil-bidu tagħhom.

Wara dawn, il-Banda Leone esegwiet il-Marcia Slava ta’ Pyotr Ilyich Tchaikovsky; silta li mhux biss kisbet l-approvazzjoni minħabba l-fervur mużikali u s-sentiment patrijottiku li xeħet fiha l-kompożitur, imma aktar u aktar minħabba l-esekuzzjoni raffinata u mirquma li waslu għaliha Colin Attard u l-bandisti tal-Banda Leone.

L-istess kien il-każ tal-aħħar silta, Spectacular, a medley of immortal classics li niżlet għasel mal-partitarji preżenti. Din is-silta, ikkumpilata minn Colin Attard ġiet magħżula wara s-suċċess li rreġistrat biha l-Banda Leone fis-sena tal-150 anniversarju tagħha, l-2013. Dakinhar, fid-9 t’Awwissu, din is-silta kienet indaqqet bin-nar tal-ajru sinkronizzat magħha fi tmiem il-programm mużikali Leone Band in Concert: Festa Edition, li għall-ewwel darba kien sar fi Triq ir-Repubblika quddiem il-Każin tal-Banda u t-Teatru tal-Opra Aurora. Fuq talba ġenerali, din il-medley kienet ukoll għalqet il-festi kbar tal-150 sena, fi tmiem il-kunċert annwali Leone Band in Concert, f’Novembru tal-istess sena fit-Teatru tal-Opra Aurora.

 

F’din is-serata, li kienet ippreżentata minn Keith Demicoli, għamel diskors iċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali u Reġjonali, l-Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO Mons. Joe Vella Gauci, segwit minn kelmtejn mill-Presidenti u s-Surmastrijiet Diretturi rispettivi taż-żewġ baned, wara li tqassmu t-tifkiriet tal-okkażjoni liż-żewġ baned. Il-programm ġie fi tmiem bl-innu lil Għawdex ta’ Joseph Vella u l-poeta Ġorġ Pisani, esegwit mill-Banda Leone, u l-Innu Nazzjonali.

Kienet okkażjoni li fiha, il-bandisti tal-Banda Leone urew il-frott ta’ dedikazzjoni liema bħalha f’kors ta’ kunċerti preparatorji mill-aktar serji u intensivi. Minkejja ż-żminijiet diffiċli li lkoll qed naffaċċjaw, il-preparamenti xorta baqgħu għaddejjin, anke b’sagrifiċċji mill-bandisti stess. Ir-riżultat kien wieħed onorabbli għall-bandisti u għas-Soċjetà Filarmonika Leone għaliex ersaqna quddiem l-udjenzi tagħna b’għażla ta’ siltiet ta’ stoffa, li joffru ċerti sfidi mużikali u artistiċi u li fuq kollox ġew esegwiti b’ħila, teknika u interpretazzjoni eċċellenti. Is-suċċess f’dan il-kunċert konġunt jibqa’ mmarkat fil-kullana ta’ suċċessi tal-istess Soċjetà tul il-158 sena ta’ storja glorjuża tagħha.

 

 

Kienet okkażjoni li fiha, il-bandisti tal-Banda Leone urew il-frott ta’ dedikazzjoni liema bħalha f’kors ta’ kunċerti preparatorji mill-aktar serji u intensivi. Minkejja ż-żminijiet diffiċli li lkoll qed naffaċċjaw, il-preparamenti xorta baqgħu għaddejjin, anke b’sagrifiċċji mill-bandisti stess. Ir-riżultat kien wieħed onorabbli għall-bandisti u għas-Soċjetà Filarmonika Leone għaliex ersaqna quddiem l-udjenzi tagħna b’għażla ta’ siltiet ta’ stoffa, li joffru ċerti sfidi mużikali u artistiċi u li fuq kollox ġew esegwiti b’ħila, teknika u interpretazzjoni eċċellenti. Is-suċċess f’dan il-kunċert konġunt jibqa’ mmarkat fil-kullana ta’ suċċessi tal-istess Soċjetà tul il-158 sena ta’ storja glorjuża tagħha.

Inħarsu ‘l quddiem għall-proġetti u inizzjattivi fix-xhur li ġejjin. Sempre forti, avanti, avanti.