Viva l-Jiem tal-Karnival!

01. 03. 2017
Nifirħu mal-S.K.V.W. fi triqthom lejn il-finali tal-F.A. Trophy.
19. 02. 2017
Tiġi fi tmiemha l-Gozo Snooker Cup
11. 03. 2017
 

Matul il-jiem tal-Karnival ta’ din is-sena, is-Soċjetà Filarmonika Leone pparteċipat b’żewġ kumpaniji: kumpanija ta’ żfin Hilarious, u oħra magħmula minn tfal tal-kor Aurora Youth Choir. (Ritratti lejn tmiem l-artiklu).

Hekk kif wasal, u għadda, “iż-żmien mistenni minn kullħadd”, numru sabiħ ta’ membri tas-Soċjetà Filarmonika Leone rritornaw għar-rutina ta’ kuljum, wara ħames t’ijiem impenjattivi, li fihom gawdew il-ferħ tal-Karnival fil-kumpanija ta’ xulxin. Din is-sena, is-Soċjetà Filarmonika Leone kellha żewġ kumpaniji tal-Karnival, fejn fil-Belt Victoria, u f’diversi rħula, dawn setgħu jwasslu l-ferħ tagħhom lil bosta Għawdxin u Maltin li rrikorrew għall-Karnival Reġjonali u dak organizzat fl-irħula. 

Kumpanija ta’ Żfin Hilarious

Il-kumpanija ta’ żfin Hilarious, kienet ilha tipprepara għal diversi ġimgħat, b’diversi provi ġewwa t-Teatru Aurora. Din il-kumpanija kienet organizzata minn Michelle Farrugia, fejn iż-żifna Hilarious ġabet l-isem ta’ “Għall-ħakma stinkajt, kull festa sfrattajt, ‘ssa sieħbi m’hemmx x’tagħmel, dritt dritt għal ġol-ħajt“. 

Din iż-żifna kellha t-tema tal-elezzjoni Presidenzjali Amerikana li saret f’Novembru li għadda, biż-żifna tinkludi l-figuri ta’ Donald Trump, Hillary Clinton u Barack Obama. L-istorja tibda’ b’Barack Obama, li b’dispjaċir kellu jerħi l-post tiegħu wara bosta snin, b’bosta nannies li spiċċaw kellhom isabbruh. Infatti, iż-żifna tibda’ bil-ħanxra tal-bikja tiegħu. Dritt wara, naraw it-taqbida qalila bejn Trump u Clinton, fejn għamlu minn kollox biex jimpressjonaw lil dawk preżenti. Trump daħal għar-rebħa b’ħafna ragħad u sajjetti, iżda s-superwomen u l-lifeguards, li ma felħux jaraw aktar, daħlu jsalvaw lill-Amerika u lid-dinja.

Iż-żifna, li kienet twila ftit aktar minn għaxar minuti, inkludiet il-parteċipazzjoni ta’ sitta u għoxrin persuna. Din il-kumpanija pparteċipat f’kull jum tal-Karnival Reġjonali fil-Belt Victoria, apparti l-Ħadd fejn dan twaqqaf kmieni minħabba maltempata, u anke fil-Karnival organizzat fix-Xagħra, Żebbuġ, Xewkija, Sannat u n-Nazzarenu.

Video mtella’ fuq Facebook mill-Kumitat Organizzattiv tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Għawdex (agħfas is-settings u għażel 720p).

Kumpanija tal-Kor tat-Tfal

L-Aurora Youth Choir organizzat kumpanija tal-karnival bil-parteċipazzjoni ta’ tfal membri tiegħu. Il-prestazzjoni, bl-isem “…with sugar and kites!“, ipparteċipat il-Ġimgħa, is-Sibt filgħodu, u l-Ħadd tal-Karnival Reġjonali tal-Belt Victoria. 

Din il-prestazzjoni, organizzata minn Antonella Portelli u Matthew Sultana, inkludiet il-parteċipazzjoni ta’ madwar għoxrin tifel u tifla, u kienet twila kważi għaxar minuti. Is-suġġett tagħha kien il-film Mary Poppins” tal-1964.

 

[Not a valid template]