Nhar il-Ġimgħa 10 u s-Sibt 11 ta’ Novembru 2017, il-produzzjoni ta’ Kelma Kelma Nota Nota ‘U ma tofx?!’ ittellgħet fit-Teatru tal-Opra Aurora. Kelma Kelma Nota Nota, illum isem rinomat fil-kamp kulturali Malti, iżewweġ il-lingwa u l-mużika Maltija bil-għan li jippromwovi t-teżori moħbijin tal-lingwa Maltija.
F’żewġ serati, eluf ta’ Għawdxin u Maltin attendew għal dan ix-xow fit-Teatru tal-Opra Aurora. Fost siltiet li esegwixxew ‘The Big Band Brothers’ kien hemm adattamenti ta’ ‘Xemx’, ‘Lil Malta‘, ‘Inti Djamant‘ u ‘Pirati’, flimkien mal-kantanti Daniel Cauchi u Pamela Bezzina. Apparti minhekk, fost interepretazzjonijiet li saru minn Ray Calleja, kien hemm rendizzjoni ta’ ‘Taxi Mary’ u bosta interpretazzjonijiet ta’ kitbiet ta’ MIchael Spagnol dwar Għawdex, l-Għawdxin, id-Djalett Għawdxi u l-Maltin li jiġu f’Għawdex.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone hija sodisfatta li produzzjonijiet ta’ kwalità, bħal dawk minn Kelma Kelma Nota Nota, jittellgħu fit-Teatru tal-Opra Aurora – l-akbar teatru fil-gżejjer, u fuq kollox, hija sodisfatta li dawn ikunu suċċess.
Ritratt ta’ Giona Cassar (Kelma Kelma Nota Nota)