Kunċert Annwali 2017

06. 11. 2017
Jum il-Mejtin Kollha
02. 11. 2017
U ma tofx li kien suċċess?!
13. 11. 2017
 

Nhar is-Sibt 4 ta’ Novembru 2017, il-Banda Ċittadina Leone ċċelebrat is-67 anniversarju mill-proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunta, flimkien mal-ġieħ li t-Teatru tal-Opra Aurora qed jagħti lill-Għawdex bir-rappreżentazzjoni ta’ opri ta’ kwalità u livell internazzjonali tul l-erbgħin sena li għaddew.

Hekk kif inhi konswetudni, il-Banda Ċittadina Leone tellgħet il-Kunċert Annwali tagħha – Leone Band in Concert. Dan l-appuntament, il-Banda Leone żżommu u tonoraħ ta’ kull sena flimkien mas-segwaċi tagħha Għawdxin, Maltin u anke barranin.  

Ritratti minn Giacomo Grech – Artiklu jkompli wara.
[Not a valid template]

 

Ċelebrazzjoni tal-imħabba lejn l-Assunta

Is-serata ta’ mużika fetħet bl-innu marċ, Lil Santa Marija Assunta, kompożizzjoni tas-Surmast Vincenzo Ciappara, li magħha joqogħdu l-versi popolari ta’ Ġanninu Cremona Għawdex kollu tbiddel f’ġenna. Dan għaliex, il-Banda Ċittadina Leone dejjem tagħżel li tfakkar, permezz ta’ dan il-programm mużikali, l-anniversarju tal-ġrajja tal-1 ta’ Novembru 1950, meta l-Papa Piju XII kien ipproklama t-tlugħ fis-sema ta’ Marija bħala domma tal-fidi.

Infatti, 67 sena ilu, il-Banda Leone ċċelebrat din il-ġrajja bi program mużikali fi Pjazza Indipendenza, liema programm baqa’ jsir annwalment sal-lum.

 

 

Teatru li jagħti ġieħ lil Għawdex

Is-suċċess tat-Teatru tal-Opra Aurora fil-kamp operistiku, wara erbgħin sena ta’ kontribut artistiku f’dan il-kamp, ġie mfakkar f’din is-serata b’siltiet mill-opri Cavalleria RusticanaPagliacci.

Erbgħin sena mill-ewwel opra f’Għawdex – Madama Butterfly – it-Teatru kien u se jibqa jikkontribwixxi għas-suċċess artistiku u ekonomiku t’Għawdex. Infatti, għal din ir-raġuni, it-Teatru tal-Opra Aurora, għadu kemm ġie mogħni b’Ġieħ Għawdex ftit tal-jiem ilu, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum Għawdex miċ-Circolo Gozitano.

 

Ċelebrazzjoni ta’ mużika

Mir-repertorju operistiku, il-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Colin Attard, għaddiet għall-siltiet miktubin għall-banda. L-ewwel, il-Banda Leone esegwiet siltiet mill-fantasija naplitana Vedi Napoli e poi mori, ta’ Giovanni Giumarra, ġawra mill-arkivju mużikali tal-istess Banda Leone. Giumarra, innifsu eks-surmast direttur tal-Banda Leone, jibqa’ magħruf mad-dilettanti tal-baned, kemm Maltin u kemm Għawdxin. Giummarra kiseb diversi premjijiet internazzjonali bid-diversi kompożizzjonijiet tiegħu, li ħafna minnhom jinsabu fl-arkivji mużikali tas-Soċjetà Filarmonika Leone. Wara, l-Assistent Surmast Joseph Debrincat, mexxa lill-Banda Ċittadina Leone fl-esekuzzjoni tas-silta ta’ James Swearingen Majestia

Lejn parti tas-serata kienet iddedikata għall-kompożitur russu Tchaikovsky, b’siltiet mis-suite mill-ballet magħruf Swan Lake miktub fl-1875. Il-Banda Leone għalqet is-serata bis-silta Marche Slave, tal-istess Tchaikovsky. 

Mal-għeluq tas-serata, il-Banda Ċittadina Leone esegwiet l-Innu tal-istess Banda Il Leone, fejn l-udjenza qamet bilwieqfa u uriet l-apprezzament tagħha tas-serata mużikali li s-Soċjetà Filarmonika Leone għoġobha toffri. Ringrazzjament speċjali jmur lejn il-Bandisti li bid-dedikazzjoni tagħhom, il-Banda Ċittadina Leone setgħet terġa tagħti programm mużikali ieħor ta’ kalibru.

 

Żjara Speċjali lit-Teatru

Aktar kmieni filgħodu, grupp ta’ mitt eks-Membri Parlamentari ta’ pajjiżi Ewropej, żaru lit-Teatru tal-Opra Aurora. Hemm setgħu japprezzaw il-potenzjal tal-volontarjat fis-settur artistiku u kemm dan jista jikkontribwixxi għall-kultura u l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Setgħu ukoll isegwu l-aħħar preparamenti għall-Kunċert Annwali tal-lejla.