Fid-19 ta’ Ġunju 1960, iżżewġet lil Edward Grech, li sa mewtu fl-2022 serva bħala membru fil-Kumitat għal aktar minn 70 sena.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone tesprimi s-sogħba tagħha għall-aħbar tal-mewt ta’ Mary Grech, armla tal-mibki u qatt minsi Edward Grech (1924-2022), eks Viċi-President u membru tal-kumitat għal aktar minn 70 sena. Imwielda Hili, f’Malta, Mary u l-familja ta’ tfulitha stabbilixxew ruħhom f’Għawdex u trawmu bħala partitarji assidwi tas-Soċjetà Filarmonika Leone u wlied denji tal-parroċċa tal-Katidral.
Is-Sinjura Grech għaddiet għal ħajja aħjar ilbieraħ 21 ta’ Marzu 2025 fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-funeral tagħha se jinżamm fil-Katidral ta’ Għawdex nhar it-Tnejn 24 ta’ Marzu fl-4pm.
Minn hawnhekk, is-Soċjetà tibgħat il-kondoljanzi tagħha lil uliedha Joseph, Maria, Anna u Paul u l-familji tagħhom, lil ħuha Lino Hili u l-qraba kollha.
Jagħtiha l-Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
Id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqha.
Tistrieħ fis-sliem.
Amen.