Louis Xuereb, 1931-2025, serva bħala President għal 7 snin.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone tinsab f’luttu hekk kif illum, it-Tnejn 14 t’April 2025 tħabbret il-mewt tal-President Onorarju tagħha, Ġiġi Xuereb, fl-età ta’ 94 sena. Xuereb, residenti fi Triq ir-Repubblika, faċċata tal-Każin tal-Banda Leone u t-Teatru Aurora kien armel ta’ May, u missier ta’ tlieta – Joseph, Michael u Max. Twieled fl-1931 u sa minn ċkunitu kien attiv fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Leone. Serva f’diversi karigi fil-kumitat u oqsma oħra tas-Soċjetà, sakemm fl-1981 ġie maħtur bħala President, wara n-Nutar John Busuttil. Kien żmien fejn l-ewwel ħeġġa tal-opra lirika fl-Aurora bħal ħabtet ħa ssib l-intoppi, u kien għalhekk fi żmienu, bit-treġija għaqlija tiegħu flimkien ma’ oħrajn ta’ żmienu, li l-opra fl-Aurora reġgħet qabdet ir-rittmu. Filfatt insibu li fi żmienu, minbarra l-Cavalleria Rusticana fl-1984 – produzzjoni tat-Teatru Manoel, imbagħad saru Norma u Nabucco fl-1986, Rigoletto fl-1987 u Carmen fl-1988, ftit xhur biss wara li kien għadu kif ħalla mill-kariga ta’ President, f’idejn is-suċċessur tiegħu, il-President attwali Dr Michael Caruana.
Il-mewt ta’ Ġiġi Xuereb iġġib diqa fost il-bandisti, il-veterani u dawk kollha midħla tal-każin, hekk kif Ġiġi, fl-età venerabbli tiegħu kien għadu jiffrekwenta l-każin b’mod regolari. B’sinjal ta’ luttu, il-każin tal-Banda Leone jtajjar il-bandiera mezz’asta mil-lum stess.
Il-funeral tiegħu, jinżamm fil-Katidral ta’ Għawdex. Il-koreto funebri jkun akkumpanjat mill-Banda Ċittadina Leone. Id-data u d-dettalji jitħabbru aktar ’il quddiem.