Illum, it-tifkira ta’ Marija Addolorata

PRO
11. 04. 2025
April, bit-tifkira tad-donazzjoni tal-istatwa ta’ Santa Marija
07. 04. 2025
Titħabbar il-mewt ta’ Ġiġi Xuereb, President Onorarju
14. 04. 2025

Id-Duluri festa għażiża fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin

Illum il-11 t’April, 2025, ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja Kattolika f’Malta tagħmel it-tifkira ta’ Marija Addolorata; tifkira jew festa wisq devota u miżmuma b’għożża fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin.

Waqt li l-festa liturġika proprja tad-Dulur tal-Verġni Marija taħbat fil-15 ta’ Settembru, hija drawwa antika u sabiħa li f’din il-Ġimgħa, proprju ġimgħa wara l-Ġimgħa tar-Redentur, u ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, il-poplu Nisrani jikkontempla d-Duluri ta’ Marija.

Fit-tradizzjoni Kattolika, il-mumenti l-aktar dolorużi tal-Madonna kienu sebgħa:
I Marija tisma’ l-profezija ta’ Xmun fil-Preżentazzjoni ta’ binha Ġesu
II Marija taħrab lejn l-Eġittu b’binha Ġesu
III Marija titlef lil binha Ġesu fit-Tempju
IV Marija tiltaqa’ ma’ Ġesu fit-triq tal-Kalvarju
V Marija f’riġlejn is-salib tara lil binha jmut
VI Marija tilqa’ fi ħdanha l-ġisem mejjet ta’ binha
VII Marija tidfen lil binha Ġesu f’qabar ġdid.

Id-Duluri ta’ Marija jieħdu sens għaliex huma mumenti dolorużi li jakkumpanjaw il-ħajja ta’ Ġesú. Iżda jieħdu sens akbar għaliex in-Nisrani jifhem li l-mumenti dolorużi ta’ Marija kienu dawk li wassluha għall-glorja tal-ġenna miksuba bl-Assunzjoni fis-Sema bir-ruħ u bil-ġisem; hi li ssieħbet ma’ binha Ġesú fil-misteru tas-salvazzjoni tal-bniedem, issieħbet ukoll miegħu fil-ħajja ta’ dejjem. U dan, b’xi mod huwa wkoll it-twemmin tan-Nisrani; twemmin li jqanqal tama li ma tqarraqx, kif jgħallem il-Papa Franġisku, b’mod partikolari f’din is-sena ġubilari tat-tama.

Illum, il-Ġimgħa tad-Duluri, id-Djoċesi ta’ Għawdex torganizza l-quddiesa u l-pellegrinaġġ djoċesani tad-Duluri fil-Belt Victoria. Il-quddiesa minn Mons. Isqof Anton Teuma tibda fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk) fis-6:30pm u l-purċissjoni-pellegrinaġġ bil-vara tad-Duluri tal-Knisja ta’ San Ġakbu tkompli wara.

Il-vara ta’ Marija Addolorata tal-Parroċċa tal-Katidral tkun is-seba’ vara li toħroġ fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bħal-lum ġimgħa, fil-jum proprju tagħha, 18 t’April fis-6:30pm.