Mużika Sagra u riflessjonijiet dwar it-tama: illejla

PRO
15. 04. 2025
Titħabbar il-mewt ta’ Ġiġi Xuereb, President Onorarju
14. 04. 2025
Dħalna fil-qofol tal-Ġimgħa Mqaddsa – bdejna bil-programm tal-mużika sagra
17. 04. 2025

Illejla l-Banda Leone bil-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Katidral ta’ Għawdex

Ġieli jkun b’kollezzjoni ta’ marċi funebri. Ġieli jkun b’għażla ta’ mużika sinfonika, sagra jew b’tema reliġjuża. Din is-sena, il-Banda Ċittadina Leone għandha l-pjaċir tippreżenta programm ta’ mużika prestiġjuża li normalment wieħed isib fis-swali tal-kunċerti u teatri ewlenin madwar id-dinja; mużika li tevoka ħsibijiet spiritwali u meditazzjonijiet. Din id-darba, mhux f’teatru, iżda fi spazju sagru – il-Katidral ta’ Għawdex fis-swar taċ-Ċittadella.

Illejla, il-Banda Ċittadina Leone tesegwixxi:
Adagio Cantabile, mis-Sonata No. 8 in C minor (Pathétique) ta’ Ludwig van Beethoven
Hymn to the Fallen, mill-film Saving Private Ryan ta’ John Williams
Agnus Dei ta’ Georges Bizet
u Nimrod (mill-Varjazzjonijiet Enigma, Op. 36) ta’ Edward Elgar

Barra minn hekk, is-serata tal-lejla se jkun fiha tliet kommemorazzjonijiet partikolari. Qabel xejn, is-serata mistennija tiftaħ b’minuta silenzju, b’tislima lill-eks President u President Onorarju Ġiġi Xuereb, li l-mewt tiegħu tħabbret ilbieraħ it-Tnejn 14 t’April 2025 fl-età ta’ 94 sena. Imbagħad, il-Banda Leone se tesegwixxi marċ funebri Addolorata ta’ Joseph Sammut, eks-surmast direttur tagħha (1958-1991), f’għeluq is-sena mill-mewt tiegħu fl-10 t’April 2024. Din tal-lejla, għalhekk, se tkun l-ewwel Ġimgħa Mqaddsa wara l-mewt tas-Surmast Sammut u kien xieraq għalhekk li b’xi ħaġa mir-repertorju ssirlu tislima xierqa. Imbagħad, lejn tmiem il-programm, il-Banda Leone tesegwixxi għall-ewwel darba il-marċ funebri Sliem Dejjiem – tislima lil Dwardu Grech, eks Viċi-President, (1924-2022), kompożizzjoni tas-surmast direttur Colin Attard.

Bħas-soltu, il-programm jagħlaq bl-innu lill-għuda tas-Salib Imqaddes, La Croce, ta’ Orlando Crescimanno, mill-Banda Ċittadina Leone bis-sehem tal-Aurora Youth Choir, li aktar kmieni, taħt id-direzzjoni u mill-pinna ta’ Matthew Sultana, se jkun esegwixxa t-Talba tal-Ġublew tat-Tama li kiteb il-Papa Franġisku, immużikata għall-okkażjoni.

Il-programm tal-lejla, Spes Unica (Tama Waħdanija) se jkun jinkludi riflessjonijiet dwar il-virtu tat-Tama, fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-Tama 2025 imniedi mill-Papa Franġisku. Dawn se jkun qiegħed jinsiġhom u jħabbarhom Dun Manwel Magro, Delegat tal-Isqof għall-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex.

Spes Unica jibda fit-8pm u mistenni jtul madwar 80 minuta. Qiegħed jiġi miġjub bil-korteżija tal-W.R. Kapitlu Katidrali u bl-għajnuna tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.