Is-Soċjetà Filarmonika Leone bi pjaċir tħabbar li l-Banda Ċittadina Leone issa hija l-ewwel u l-unika banda Maltija li l-mużika tagħha ġiet pubblikata fuq Spotify.
Spotify huwa pjattaforma diġitali tal-mużika użat minn miljuni ta’ nies ta’ kuljum minn madwar id-dinja kollha. Din il-pjattaforma tilqa’ fiha mużika t’artisti u record labels kbar li tipproteġihom minn ikkupjar filwaqt li tagħmilha facli li kulħadd ikun jista’ jisma l-mużika tagħhom. B’aktar minn 40 miljun silta mużikali u aktar minn 200 miljun utent, Spotify tħallas lill-artisti royalties għal kull darba li jindaqqu s-siltiet mużikali tagħhom.
L-ewwel pubblikazzjoni li ġiet magħżula għal din il-pjattaforma hija l-ġabra ta’ Marċi Funebri ta’ Giovanni Giumarra bl-isem ‘Dolore’.
Mill-1863, il-Banda Ċittadina Leone esegwiet u fi ħdanha wkoll inkitbu uħud mill-aktar sitiet mużikali prestiġjużi. Maż-żmien, dawn bdew isiru mmortali bir-recordings tal-mużika fuq casettes jew CDs. Illum, biex mhux biss dawn ikunu mmortali, iżda wkoll biex inkattru aktar il-patrimonju tagħna, il-Banda Leone se tkun qed tkattar xogħolha b’mod diġitali, b’mod u manjiera li l-preġju tal-ewwel Banda Għawdxija jibqa relevanti fis-soċjetà dinamika ta’ llum.
Tnax-il sena ilu, il-Banda Leone kienet kuraġġjuża u daħlet fil-ġeneru Pop, fejn illum ittella’ wieħed mill-akbar avveniment minn banda Maltija – Leone goes Pop. Dan huwa pass ieħor mis-Soċjetà Leone biex il-kultura tal-baned tradizzjonali Maltin tingħata spinta ‘l quddiem u timxi maż-żminijiet. Is-Soċjetà tibqa tagħmel l-għalmu taghha biex timxi maż-żminijiet b’tali mod li l-Banda Ċittadina Leone tibqa’ pijuniera u tibqa’ tkun relevanti mal-bidliet kulturali u artistiċi.