Iħallina l-maħbub President Onorarju Ġanninu Cremona

28. 02. 2019
Is-Soċjetà Filarmonika Leone fil-Gozo Snooker League
19. 02. 2019
Il-Banda Ċittadina Leone A.D. 1863 tkun pijuniera bħala l-ewwel Banda Maltija fuq il-pjattaforma diġitali Spotify
20. 03. 2019

Is-Soċjetà Fil. Leone ssellem lill-maħbub President Onorarju Ġanninu Cremona

 Is-Soċjetà Filarmonika Leone tal-Belt Victoria, Għawdex, tħabbar b’sogħba kbira l-mewt tal-maħbub President Onorarju tagħha Ġanninu Cremona, fl-għomor ta’ 92 sena, li ġrat illum l-Erbgħa 27 ta’ Frar 2019. Cremona, imwieled u mrobbi l-Belt Victoria fejn għex, serva f’diversi karigi fis-Soċjetà Filarmonika Leone, fosthom kaxxier u mbagħad President, fiż-żmien meta s-Soċjetà mxiet bil-każin tagħha minn Triq l-Arċipriet Cassar għall-każin tal-lum, biex fetħitu bl-akbar teatru tal-opra fl-1976 u fih tellgħet l-ewwel opra f’Għawdex fl-1977.

Ġanninu Cremona twieled fl-1926. Għallem f’diversi skejjel primarji ta’ Malta u Għawdex u kien ukoll surmast tal-Malti u tal-Istorja fil-Liċeo tar-Rabat Għawdex. Ħadem għal bosta snin fl-Oratorju Dun Bosco, fl-Azzjoni Kattolika, u anki fi ħdan is-Soċjetà Leone. Kiteb numru mdaqqas ta’ xogħlijiet għall-palk li bosta minnhom dehru fit-Teatru Aurora, fl-Oratorju Don Bosco u fl-Azzjoni Kattolika. Hu wkoll kittieb ta’ poeżiji u awtur tal-ġabriet poetiċi Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa (1998) u Weraq tar-Rand (2006). Kien ukoll membru onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin.

 

Il-Ftuħ tat-Teatru tal-Opra Aurora (9 t’Ottubru 1976) – minn kliemu, wieħed mill-aktar mumenti għal qalbu.

 

Fl-età venerabbli ta’ 92 sena, Ġanninu kien għadu jġorr il-memorji tat-Tieni Gwerra, minkejja li Għawdex fejn kien jgħix ma kienx daqshekk milqut. Iżda tfulitu kienet ikkaratterizzata ħafna mill-ħajja teatrali u soċjali fl-Oratorju Don Bosco fejn rawwam in-namra għall-palk, sewwa bħala awtur u sewwa bħala attur. It-tħaddim tal-lingwa Maltija u n-namra għall-palk wassluh biex anki wara l-età tal-irtirar tiegħu, Ġanninu baqa’ impenjat bil-kitba, partikolarment il-kitba ta’ drammi għar-radjijiet komunitarji u xogħlijiet oħra.

Iżda Ġanninu kien ukoll poeta, u għalina, li nafuh fl-ambjenti tal-każin tal-Banda Leone u l-parroċċa tal-Katidral, Ġanninu kien il-poeta tal-Assunta. Huwa jgħid li l-ewwel poeżija tiegħu kitibha fil-15 t’Awwissu 1947. Tiegħu huma l-kliem li jafu Għawdex kollu: “Għawdex kollu tbiddel f’ġenna…”, miktub fl-1959, kif ukoll tiegħu huma l-versi tal-innu “Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa” miktub fl-1992. Aktar reċenti, Ġanninu Cremona kiteb ukoll il-kliem tal-musical 1956 li bih is-Soċjetà Leone u l-parroċċa tal-Katidral iċċelebraw il-50 sena tal-għoti tal-vara ta’ Santa Marija lill-Katidral.

 

 

Ġanninu Cremona kien patrijott Għawdxi, kien difensur tal-parroċċa tal-Katidral li tant ħabb u għaliha tant ħadem b’mod sħiħ u razzjonali, kien bniedem ta’ valur u ta’ rispett u s-Soċjetà Leone għandha l-unur li għaliha Ġanninu kien ukoll President, mexxej u sal-aħħar nett, figura paterna mill-aktar eżemplari. Kien jieħu interess ġenwin u attiv fis-Soċjetà. Kien isegwi l-attivitajiet tagħha. Kien imfittex għall-pariri u kienu pariri integri dak li dejjem kellu x’jgħaddi.

Ġanninu Cremona kien miżżewweġ lil Ġorġa, li għadha mimlija l-għomor. Is-Soċjetà Filarmonika Leone tingħaqad mal-familjari tiegħu f’dawn il-mumenti ta’ niket.

Dettalji tal-funeral jitħabbru aktar ‘il quddiem.

Agħtih O Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem.