Lest il-proġett ta’ konservazzjoni fuq il-vara titulari tal-Katidral
Li l-vara ta’ Santa Marija tagħna hija sabiħa, qatt ma kien hemm bżonn ħadd jgħidhielna. U li tgawdi post privileġġjat fil-qlub ta’ bosta, wisq inqas. Imma jekk qatt kien hemm bżonn xi ħadd jipprova dan, il-prova ngħatat b’mod indisputibbli nhar il-Ħadd li għadda, 14 ta’ Jannar 2018 fil-Katidral ta’ Għawdex.
Il-proċess ta’ restawr
Wara li kien innutat xi deterjorazzjoni fuq il-vara ta’ Santa Marija, il-Parroċċa tal-Katidral, kmieni wara l-pussess ta’ Mons. Arċipriet Joseph Sultana, misjuqa u mgħejjuna mis-Soċjetà Filarmonika Leone, qabdet f’idejha l-proġett ta’ konservazzjoni. L-artist u restawratur Aaron Camilleri Cauchi kien diġà għamel xi studji u ħejja rapport imma wieħed kien qiegħed jistenna ż-żmien opportun dan l-intervent seta’ jsir. Wara l-festa ta’ Santa Marija 2017, ittieħdet id-deċiżjoni li Santa Marija tmur għar-restawr – restawr li għandu jsir fil-Katidral stess. Għalhekk ġiet imħejjija l-kappella tar-relikwi, fejn hemm il-fdalijiet ta’ Mons. Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi biex il-vara ta’ Santa Marija, f’Settembru ġiet imqiegħda hemmhekk.
Proċess komprensiv
Ħaġa taqla’ lill-oħra, u hekk ġie deċiż li ladarba l-pedestall tal-fidda, kapulavur fil-fidda mastizz, fuq disinn ta’ Samwel Bugeja, se jkun vakanti mill-vara, għandu jmur ukoll hu għall-konservazzjoni tiegħu. Hekk, dan ittieħed għand id-ditta Tarcisio Cassar taż-Żejtun biex isir it-tindif elaborat tiegħu.
F’dan l-istess waqt, kien meħtieġ li jsir xogħol fuq in-niċċa ta’ Santa Marija. L-ewwel u qabel kollox, ħafna mid-deterjorazzjoni fuq il-vara kienet kawża tal-umdità u t-trabijiet li jidħlu fin-niċċa u allura dawn il-problemi riedu bil-fors jiġu solvuti. Apparti minn hekk, kien mument opportun meta m’hemmx il-vara biex kwalunkwe xogħol meħtieġ fin-niċċa isir mingħajr periklu għaliha.
Ma’ dan kollu, imbagħad, il-faċenda ġiet kompluta b’tindif estensiv fuq l-aċċessorji tad-deheb, jiġifieri ċ-ċintorin u l-ġarikor tad-deheb li kienu tqiegħdu b’mod ċeremonjali fi Pjazza Savina fil-festi ċentinarji storiċi tal-1997. Ma’ dawn, beda wkoll ix-xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-bradella u l-bankun ta’ Santa Marija – sewwa l-injam tagħhom u sewwa d-dekorazzjoni fil-bronż. Dan huwa fil-fatt l-uniku proġett li fadal, u li issa jsir bil-mod il-mod. Mill-bqija, ir-restawr tal-istatwa ta’ Santa Marija huwa kollu lest u ġie inawgurat fit-tmiem il-ġimgħa li għadda.
“Dak il-wiċċ qisu l-warda f’rebbiegħa,
Li bellusha baq’hekk, ma jitbielx,
Bla tikmixa, irżina, żagħżugħa,
Qisu magħha iż-żmien ma jagħmilx”
Il-programm beda s-Sibt b’quddiesa għat-tfal fis-6pm animata mill-Aurora Youth Choir. Wara li l-vara ta’ Santa Marija kienet armata fil-korsija tal-Katidral u ġriet il-kelma dwar il-mod impressjonanti li bih il-vara ħadet il-ħajja mill-ġdid, in-nies telgħet bi ħġarha. Mons. Arċipriet mexxa quddiesa solenni u mogħtija l-ħajja b’ħafna kant u parteċipazzjoni tat-tfal, li min-naħa tagħhom ippreżentaw kwantitajiet ta’ xemgħa u fjuri. Wara, fis-7:15pm, Patri Marċello Ghirlando mexxa quddiesa b’talb speċjali għall-fejqan – quddiesa oħra li għaliha kien hemm konkorrenza tajba ħafna.
Il-Ħadd filgħodu, il-Katidral sebaħ b’nies ġejjin minn kull raħal biex jaraw l-istatwa ta’ Santa Marija wara r-restawr hekk kif l-aħbar kienet tħabbret b’mod ċar li l-istatwa mhix se ddum barra imma se tinġabar fin-niċċa wara l-quddiesa tal-10.30am.
Ħjiel dekoruż t’Awwissu, f’nofs Jannar
U hekk ġara. Il-Banda Ċittadina Leone, immexxija mis-surmast Colin Attard animat il-quddiesa tal-10:30am, ippreseduta minn Mons. Arċipriet, bis-sehem ta’ diversi saċerdoti tal-parroċċa. L-assemblea li mliet kull rokna tal-Katidral kienet immexxija mill-President u l-membri tal-kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Leone kif ukoll ir-restawratur Aaron Camilleri Cauchi, Manwel Grech li kkordina l-ħidma tal-proġett u diversi voluntiera oħra attivi fil-proġett kollu tar-restawr.
Mons. Arċipriet, fl-omelija festiva tiegħu niseġ il-mixja tal-Appostli Indri u Pietru wara Kristu permezz ta’ Ġwanni kif rakkuntata fl-Evanġelju, mal-mixja tagħna wara Kristu permezz ta’ Santa Marija. Fi tmiem il-quddiesa, huwa għamel ir-ringrazzjamenti tiegħu, ewlenin fosthom ir-restawratur u l-kollaboraturi kollha li, flimkien mal-benefatturi, għamlu minn dan il-proġett suċċess kbir. F’dan il-waqt, Mons. Arċipriet ippreżenta tifkira tal-okkażjoni lil Aaron Camilleri Cauchi.
Il-proċess tal-konservazzjoni spjegat
Wara l-innu tal-għeluq, fuq l-artal intrama l-iskrin li fuqu ntwerew għadd ta’ ritratti meħuda matul id-diversi fażijiet tal-proġett ta’ konservazzjoni, waqt li nqara r-rapport imħejji mir-restawratur innifsu. L-assemblea segwiet b’mod attent ħafna u kien hemm bosta kummenti pożittivi għall-fatt li l-interventi mhux biss ġew iddokumentati imma ġew ukoll magħmula pubbliċi biex hekk, l-edukazzjoni tal-poplu tkun l-aqwa arma biex fis-snin li ġejjin, bil-prattiċi tagħna stess issir ħsara mill-inqas lil din il-ġawhra miżmuma b’tant għożża fil-qlub ta’ bosta.
Għawdex kollu tbiddel f’ġenna, anki f’Jannar!
Ir-rapport dettaljat ħa xejn inqas minn tnax-il minuta, segwiti minnufih bl-għanja ħerqana ta’ “Għawdex kollu tbiddel ġenna” hekk kif il-Banda Leone daqqet l-innu marċ. Hawnhekk, l-assemblea għamlet il-wisa’ bis-siġġijiet u l-istatwa ta’ Santa Marija tresqet lejn iċ-ċentru tal-korsija biex tibda l-mixja tagħha lejn in-niċċa. Dan sar wara li Matthew Sultana qara poeżija tal-okkażjoni bl-isem ta’ “Dak il-Wiċċ!” ispirata mill-wiċċ restawrat tax-xbieha ta’ Santa Marija.
B’hekk, fost il-kant ħerqan ta’ “Ferriħija Jdoqqu l-Qniepen” u “Ifraħ Ifraħ Belt tas-Sema”, l-istatwa ta’ Santa Marija mxiet il-korsija lejn il-kappella ta’ San Filippu Neri biex daħlet lura fin-niċċa mnejn kien ilha nieqsa kważi 4 xhur. Hemmhekk issa tistenna sabiex fl-aħħar ta’ Lulju 2018 toħroġ b’mod trijonfanti u ċelebrattiv għall-festi tal-Għid tal-Assunta li jilħqu l-qofol tagħhom eżatt bħal-lum 7 xhur.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone tingħaqad ma’ Mons. Arċipriet sabiex trodd ħajr lil dawk kollha li bil-ftit jew bil-ħafna, bil-flus jew bix-xogħol, bil-ħin jew bil-ħsieb, kellhom sehem fir-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett importanti u għażiż għalina lkoll.