Fi stqarrija stampa konġunta bejn is-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Parroċċa tal-Katidral ta’ Għawdex ġiet espressa solidarjetà assoluta mas-Saċerdot Dun Anton Grech li qed jagħmel xogħol straordinarju fil-Missjoni li qed iwettaq fil-Gwatemala. L-istqarrija kienet iffirmata minn Dr Michael Caruana u Thomas Bajada, President u Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Leone, u Mons Joseph Sultana, Arċipriet tal-Katidral.
Fl-istqarrija, is-Soċjetà u l-Parroċċa qalu li:
“Aħna [iż-żewġ partijiet], li lkoll nafu sew lil Dun Anton Grech sa minn tfulitu, u li nsegwu l-impenn enormi missjunarju tiegħu, niddikjaraw u nikkonfermaw bl-aktar mod assolut, l-integrità impekkabbli ta’ dan is-saċerdot fil-ħidma tiegħu missjunarja ġewwa l-Gwatemala. Dun Anton iddedika ħajtu fil-missjoni u nammiraw il-ġid kbir spiritwali u soċjali fi ħdan din il-missjoni. Huwa dejjem ta rendikont dettaljat tal-fondi u għajnuna mibgħuta lilu, u konvintissimi li dawn il-fondi u għajnuna ġew utillizzati bl-akbar responsabbiltà u integrità.
Il-Missjunarju Dun Anton Grech twieled u trabba fir-Rabat, Għawdex. Wara li studja fis-Seminarju tad-Djoċesi ta’ Għawdex u ġie ordnat saċerdot, huwa ħa l-Presbiterat fil-Knisja Katidrali ta’ Santa Marija. F’bosta okkażjonijiet, kemm is-Soċjetà, kif ukoll il-Parroċċa, organizzaw opportunitajiet ta’ ġbir ta’ fondi speċifikament għall-missjoni ta’ Dun Anton Grech fil-Gwatemala. Infatti, bħala eżempju, l-Aurora Youth Movement riċentament organizzat ġbir ta’ fondi fil-Festa ta’ Santa Marija għax-xiri t’ifran għall-familiji fil-Missjoni tiegħu.
Għaldaqstant, waqt li nagħtuh is-sapport tagħna f’dawn il-mumenti diffiċli, is-Soċjetà u l-Parroċċa jawgurawlu aktar ħidma fost il-fqar fi ħdan il-Knisja ġewwa l-Gwatemala, u sabiex xejn u ħadd ma jaqtagħlu qalbu.