Is-Soċjetà Filarmonika Leone tat s-sapport tagħha f’din il-Festa, b’mod partikolari fl-ippjanar u loġistika tagħha. Bħala parti mill-programm kulturali Opera is Gozo tal-Ministeru għal Għawdex, ġiet organizzata l-Festa ta’ Sant’Ursola bl-użu tal-mużika votiva u dik folkloristika. Barra minn hekk, wara assenza ta’ 51 sena, ġiet organizzata l-purċissjoni bil-bust u relikwa ta’ Sant’Ursola fiċ-Ċittadella.
L-Għawdxin bdew jitolbu għall-interċessjoni ta’ Sant’Ursola f’każijiet ta’ katastrofi, bħal mard qerriedi, terremoti u nixfa. Sant’Ursola kienet iddikjarata Patruna t’Għawdex fl-1620, bil-festa tkun il-21 t’Ottubru. Dan kien sar f’Sinodu Djoċesan li kien ikkonfermat mill-Pontifiċju Ruman. Id-Devozzjoni lejn Sant’Ursola kompliet tikber f’Għawdex b’tali mod li meta l-Gvernatur Maldonado telaq minn Għawdex bil-bust, l-Arċipriet tal-Matriċi, il-Ġudikatura u l-Gvern Regjonali t’Għawdex talbu li l-bust jerġa jirritorna u jibqa’ fil-Matriċi għall-qima tal-Għawdxin.
Minn hemm ‘l quddiem, l-Għawdxin baqgħu jirrikorru lejn Sant’Ursola, u jsiru purċissjonijiet votivi għall-intereċessjoni tagħha. Dawn il-purċissjonijiet inqatgħu fl-1967, flimkien ma’ purċissjonijiet votivi oħrajn. Nhar il-Ħadd 21 t’Ottubru, reġgħet ġiet organizzata l-purċissjoni wara assenza ta’ 51 sena.
Nhar il-Ħadd 21 t’Ottubru 2018, is-Soċjetà Filarmonika Leone ħadet ħsieb torganizza Festa Folkloristika fiċ-Ċittadella, sabiex tiġi kkomemorata din il-Festa.
Filgħodu fid-9:30am, l-Aurora Folk Group, li huwa l-ewwel grupp folkloristiku f’pajjiżna, fetaħ din il-Festa Folkloristika bi żfin, daqq mill-orkestra live u kant fil-Pjazza tal-Katidral. B’diversi Għawdxin, Maltin u barranin miġbura f’din il-Pjazza, mal-mużika u żfin folk, u stalls bi prodotti home-made, inħoloq ambjent sabiħ ta’ festa. Fl-istess waqt, fil-Katidral, kien hemm l-Għasar Kapitulari bi preparazzjoni ukoll għall-purċissjoni.
Fl-10:15am, ħarġet il-purċissjoni bis-sehem tal-Kapitlu Katidral, fejn il-bust ta’ Sant’Ursola inġarret lejn il-mina ż-żgħira u daħlet mill-mina l-kbira, waqt li l-Kapitlu kien qed ikanta l-litanija tal-qaddisin. Fl-10:30am imbagħad kien hemm il-Quddiesa Solenni mmexxiha mill-Arċidjaknu u bis-sehem tal-Kapitlu.
Dritt wara l-quddiesa, l-Aurora Folk Group kompla il-Festa Folkloristika fil-Pjazza. F’nofsinhar l-abbatini daqqew il-qniepen il-qodma tal-Katidral, filwaqt li l-Aurora Folk Group għamel parata folkloristika madwar it-toroq taċ-Ċittadella. Wara imbagħad, l-Aurora Youth Choir kanta selezzjoni ta’ kanzunetti folkloristiċi fil-Pjazza tal-Katidral. Fl-4:00pm, fil-Katidral, sar kunċert bl-orgni minn Franco Cefai, flimkien ma’ taħdida dwar il-kult ta’ Sant’Ursola mill-istoriku Mons Dr Joseph Bezzina.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone hija ferm grata lejn dawk kollha li taw sehemhom biex din il-Festa setgħet tkun suċċess, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-purċissjoni kienet ilha ma ssir 51 sena. Is-Soċjetà tinsab ferm kuntenta b’dan is-suċċess u tixtieq tirringrazzja lill-Kapitlu Katidral u l-Arċipriet, flimkien ma’ kull min ta’ sehmu fit-tiżjin tal-Kappellun ta’ Sant’Ursola, il-Bust, u preparamenti oħrajn sabiex il-festa interna tkun ta’ suċċess. Barra minnhekk tirringrazzja lill-membri kollha tal-Aurora Folk Group u l-Aurora Youth Choir tal-parteċipazzjoni, lil Mons Dr Joseph Bezzina u Franco Cefai, u lil Manwel Grech tal-pittura għal fuq il-poster uffiċjali tal-Festa, li kienet qed turi l-purċissjoni l-antika ta’ Sant’Ursola.