Tislima mill-Isbaħ

28. 08. 2018
Sa ma nerġgħu niltaqgħu Ġuż!
25. 08. 2018
Reġgħet inkitbet l-istorja
22. 10. 2018
 

Ilbieraħ, it-Tnejn 27 t’Awwissu 2018, is-Soċjetà Filarmonika Leone selmet il-memorja tal-Kaxxier veteran tagħha Ġużi Abela, flimkien ma’ mijiet ta’ familjari u ħbieb tiegħu.

 

Wara tlett ijiem ta’ luttu għat-telfa ta’ Ġużi Abela, li kellu 71 sena u li serva għal aktar minn 35 sena bħala kaxxier tas-Soċjetà Filarmonika Leone, is-Soċjetà tatu l-isbaħ tislima lbieraħ fil-funeral tiegħu. Il-Banda Ċittadina Leone laqgħet lil Ġużi f’korteo funebri minn quddiem il-Każin tal-Banda Leone, bid-daqq tal-Innu ‘Il Leone’, fejn it-tebut ġie merfugħ iħares lejn il-Każin tal-Banda Leone, bħala turija ta’ rispett lejn is-servizz twil tiegħu lejn is-Soċjetà. 

 

 

Bil-preżenza tal-Bandisti tal-Banda Leone, membri tal-Kumitat Ċentrali u diversi membri attivi fi ħdan il-fergħat tas-Soċjetà, it-tebut mexa f’korteo funebri lejn il-Katidral bid-daqq ta’ marċi funebri, bit-tebut ikun segwit minn diversi familjari u ħbieb. Meta l-korteo wasal fit-telgħa tal-Belt, inħaraq salut b’tislima lil Ġużi minn fuq l-Għolja ta’ Gelmus mill-għaqda Vampa Organisations, sakemm il-korteo wasal fil-Pjazza tal-Katidral, fejn saret it-tislima mill-Banda Ċittadina Leone bid-daqq tal-Innu ‘Il Leone’.

 

 

Mijiet ta’ bandisti, membri, partitarji, parruċċani, familjari u ħbieb ingħaqdu mal-korteo funebri u nġabru fil-Katidral u Matriċi sabiex isellmu l-memorja ta’ Ġużi, ħabib ta’ kulħadd, li f’ħidmietu twila, kien misjuq biss minn rieda tajba f’kull ma jagħmel u mħabba lejn is-Soċjetà Filarmonika Leone. Ġużi kien għas-Soċjetà pilastru, u ċertament li n-nuqqas tiegħu se jibqa’ jinħass fost il-membri kollha tas-Soċjetà, b’mod speċjali l-uffiċjali tal-Kumitat, li kienu jaħdmu mill-qrib tiegħu.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone twassal il-kondoljanzi tagħha lill-għeżież membri tal-familja Abela, u waqt li tgħaddi hija stess minn dan il-luttu trodd ħajr lil dawk il-baned, soċjetajiet u individwi oħra li qed juru s-solidarjetà tagħhom magħna f’dawn il-mumenti diffiċli.

Sa ma nerġgħu niltaqgħu Ġuż!

Strieħ fis-Sliem ħdejn Ommna Santa Marija.

Agħtih O Mulej il-Mistreħ ta’ Dejjem.