Il-Banda Leone u l-Aurora Folk Group fil-Polonja

15. 09. 2023
AVVIŻ ELEZZJONI KUMITAT ĊENTRALI 2022-2024
22. 11. 2022
Il-Banda Ċittadina Leone: Vjaġġ Armonjuż madwar Għawdex (u lil’hinn!)
19. 09. 2023

Kienet okkażjoni tassew memorabbli meta wara 23 sena mill-aħħar safra tagħha (Tuneżija, 2000), il-Banda Leone reġgħet inġabret biex issiefer flimkien, din id-darba fil-Polonja bejn is-7 u l-14 ta’ Ġunju. Kienet il-mawra ċelebrattiva tal-160 sena mit-twaqqif tal-Banda Leone bħala l-ewwel banda Għawdxija, flimkien mal-50 sena mit-twaqqif tal-Aurora Folk Group, ukoll l-ewwel grupp folkloristiku Għawdxi (u Malti!)

Din is-safra ġiet grazzi għar-relazzjonijiet mill-isbaħ li ilhom 10 snin jinbnew bejn l-Aurora Folk Group u l-grupp folkloristiku Chludowianie ta’ Chludowo, partikolarment Marlon Mercieca li kkordina r-relazzjonijiet u l-parti l-kbira tal-programm. Filfatt, il-grupp folkoristiku Pollakk ġie f’Għawdex u ħa sehem fl-Aurora International Folk Festival f’Ottubru li għadda, kif għandu jerġa’ jagħmel f’Ottubru 2023. Però f’Ġunju kien imiss lilna, bil-banda u l-folk, li nżuru dan ir-raħal mill-isbaħ ta’ Chludowo, qrib il-belt ta’ Poznan.

Sewwa għall-banda u sewwa għall-grupp tal-folk, is-safra kienet preċeduta minn kors ta’ provi u serje ta’ laqgħat sabiex il-kontinġent ta’ 87 ruħ tela’ ppreparat. Dawn kienu jinkludu bandisti, żeffiena u mużiċisti tal-folk, membri tal-kumitat u xi qraba u persuni oħra qrib tagħna.

 
 

Unur lis-Soċjetà

Taħt id-dell tal-aħbar tal-mewt ta’ Frankie Bajada, eks-attivist fi ħdan is-Soċjetá u t-Teatru, l-eċitament beda jinbena nhar l-Erbgħa 7 ta’ Ġunju 2023 meta fl-10am, il-kontinġent beda jinġabar u jimla żewġ karozzi kbar quddiem il-Każin tal-Banda Leone. Bejn bagalji, strumenti kbar ippakkjati u kważi 90 ruħ bil-flokkijiet blu, kull min kien għaddej mit-tiġrija tar-Rabat f’dik il-btala pubblika, waqaf iħares biex jara x’inhu jiġri u jawguralna li nieħdu pjaċir. U hekk filfatt ġara!

Għabbejna u tlaqna lejn l-ajruport. It-titjira tagħna kienet lejn Berlin fil-Ġermanja, mnejn imbagħad qbadna żewġ karozzi biex naqsmu l-fruntiera lejn il-Polonja fi vjaġġ li ma ħax aktar minn 3 sigħat. Fil-Polonja, kellna grupp (predominantament magħmul minn bandisti) li kien alloġġjat fil-Lukanda 500 fir-raħal ta’ Tarnowo, u grupp (predominantament magħmul minn membri tal-folk u l-bqija) li kien alloġġjat fil-Lukanda Mleczarnia Hotel Restauracja fid-daħla tar-raħal ta’ Chludowo. Ftit oħra kienu alloġġjati fil-monasteru mill-isbaħ Misjonarze Werbiści Chludowo żewġ minuti bogħod, qrib id-dar tal-knisja tar-raħal. L-ewwel ġurnata u ġiet u marret bl-ivjaġġar għaliex il-kontinġent wasal fil-lukandi tard billejl.

 

 

Il-Ħamis 8 ta’ Ġunju qomna għal ġurnata b’temp mill-isbaħ, xenarju mill-isbaħ u btala pubblika fil-Polonja – il-festa ta’ Corpus Christi, il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesú – festa li aħna kellna wkoll f’Malta u tlifnieha meta ġiet trasferita lejn il-Ħadd. Filgħodu, il-banda libset l-uniformi u tal-folk libsu l-kostumi tradizzjonali u rħejnielha mal-bqija tar-raħal ta’ Chludowo għall-quddiesa tal-Corpus fil-11am fil-knisja parrokkjali ddedikata lill-Qaddisin Kollha. Id-devozzjoni u l-ispiritwalità kienu affarijiet li tassew jissorprendu. Wara l-quddiesa, kif titlob il-liturġija, ħarġet il-purċissjoni tal-Corpus bl-Ewkaristija. Immarċjat l-ewwel il-gruppi folkloristiċi, imbagħad it-tfal, l-abbatini, u l-Ewkaristija taħt il-baldakkin, u mbagħad il-Banda Orkiestra Deta Chludowo u l-Banda Leone u l-membri tal-pubbliku. Quddiem il-Banda Leone mxew l-istandard tal-Ljun u l-Bandiera Maltija. Il-purċissjoni mxiet billi l-banda ddoqq strofa bla kant, u mbagħad in-nies tirrispondi l-istess strofa bil-kant bla daqq. U jibqgħu sejrin hekk sa ma l-purċissjoni tasal, bla ma qatt tieqaf, sa ħdejn artal armat apposta fit-triq. Meta l-purċissjoni tasal ħdejn l-artal, tinqara silta mill-Evanġelju u tingħata l-barka sagramentali li matulha, in-nies kienu lkoll jinżlu għarkupptejhom waqt li l-istendardi jmilu lejn l-art. Wara, il-purċissjoni tkompli sal-artal li jmiss u s-sitwazzjoni tirrepeti ruħha. L-aħħar minn 4 artali kien fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ Chludowo mnejn kienet bdiet. Hemmhekk, il-Banda Leone daqqet ukoll wieħed mill-marċi reliġjużi ta’ Vincenzo Ciappara li s-soltu jindaqqu waqt il-purċissjoni ta’ Santa Marija minbarra mużika oħra Pollakka li kienu jafu n-nies tal-post. Mat-triq kollha, wieħed ma setax ma jinnutax li d-djar kollha kienu mżejna bil-bnadar u bit-tpinġijiet bit-tema tal-Ewkaristija mwaħħla fit-twieqi. Ma setax ma jinnutax id-devozzjoni, il-ġabra u fuq kollox l-indafa u ż-żamma tal-post.

Wara l-purċissjoni, il-kontinġent Malti nġabar fil-lukanda ta’ Chludowo għall-ikla, ftit ħin liberu u kunċert ta’ prova għall-Banda Leone fis-sala tar-riċevimenti tal-istess lukanda. Kienet prova importanti li matulha, is-Surmast Colin Attard kellu l-okkażjoni jagħmel l-aħħar irtokki fl-interpretazzjoni tal-banda. Filgħaxija, il-kontinġent kollu kien mistieden għall-ikel fil-ġnien tal-monsteru Misjonarze Werbiści Chludowo.

 

 

 

 

Il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju, il-kontinġent tagħna kellu programm mużikali fil-Librerija Pubblika Raczyńskic f’Podolany fil-Belt ta’ Poznan. Għal darba oħra, taħt sema ikħal u temp mill-isbaħ, ħlief għal żewġ minuti meta ħabtet ħa tqattar ix-xita, l-Aurora Folk Group fetaħ il-programm bil-parti folkloristika u mbagħad il-Banda Leone tat l-ewwel programm mużikali tagħha quddiem udjenza numeruża. Fi tmiem il-programmi mużikali ġew skambjati tifkiriet tal-okkażjoni. F’isem is-Soċjetà Filarmonika Leone, dawn it-tifkiriet laqagħhom il-President Dr Michael Caruana li kien ingħaqad mal-grupp fil-Polonja.

L-għada s-Sibt 10 ta’ Ġunju, konna l-mistednin ta’ Osiedle Grzybowe Suchy Las – Zarząd Osiedla, li kienu qegħdin jiċċelebraw jum ir-raħal tagħhom. Hemmhekk, il-Banda Leone u l-Aurora Folk Group attendew u pparteċipaw f’festa għall-familja kollha fil-park tar-raħal b’marċi brijużi u żfin allegruż. Dan wara li filgħodu, il-grupp kien ittieħed fil-belt metropolita u l-parti storika ta’ Poznan biex jara l-post u jkollu ftit ħin liberu. Filgħaxija wħud inġabru fil-bitħa tal-lukanda ta’ Chludowo waqt li wħud żaru ċ-ċentru ta’ Poznan biex jaraw il-finali taċ-Champions League bejn l-Inter u l-Manchester City.

 
 
 
 
Il-Ħadd 11 ta’ Ġunju kienet l-aktar ġurnata importanti u memorabbli. Mil-lukanda f’Tarnowo, il-Banda ġiet trasportata bħas-soltu lejn Chludowo, armat l-affarijiet tagħha fis-sala tar-raħal u marret għall-quddiesa tal-11am fil-knisja parrokkjali. Is-servizz beda dritt wara l-quddiesa meta l-Banda Leone mmarċjat quddiem, segwita mill-Orkiestra Deta Chludowo, mill-istess knisja saċ-ċentru kulturali. F’dan il-marċ qasir, il-Banda Leone fetħet bl-innu tal-banda Il Leone ta’ Giuseppe Stivala u daqqet il-marċ Lill-Fundaturi tal-Ewwel Banda Għawdxija ta’ Colin Attard. Imbagħad, quddiem iċ-ċentru kulturali, fi tmiem il-marċ, Colin Attard idderieġa liż-żewġ baned flimkien fil-marċ popolari Pollakk Orkiestra Dieta li miegħu kulħadd ċapċap waqt li l-pubbliku Pollakk ingħaqad anki bil-kant.
 
Fuq ġewwa, f’sala ta’ madwar 300 ruħ, il-banda tal-post fetħet il-programm f’għażla ta’ mużika kontemporanja, esegwita b’tant finezza u preċiżjoni. Għalina u għan-nies tagħna, din kienet mużika familjari hekk kif indaqqu diversi siltiet u medleys pop minn dawk li bdejna bihom il-kunċerti Leone Goes Pop tagħna mill-2008 ’il quddiem. Warajhom, telgħet il-Banda Leone, immexxija minn Colin Attard li għamel introduzzjoni qasira bl-Ingliż (tradotta viva voce fil-Pollakk) qabel kull silta biex jispjega l-kuntest u r-raġuni għalfejn intgħażlet din il-mużika.

Il-Banda Leone daqqet:

Żewġ siltiet karatteristiċi ta’ Għawdex, mnejn ġejja l-banda tagħna
Omaggio a Gozo ta’ Orlando Crescimanno
Bells Across the Meadow ta’ Albert Ketelby
 
Żewġ siltiet karatteristiċi tar-reġjun tal-Mediterran
• Valz Naplitan u Tarantella mis-silta Vedi Napoli e poi mori, ta’ Giovanni Giumarra
Santa Maria de la Sede (The Cathedral) u żifna minn Impressions of Seville
 
Silta operistika b’referenza għall-kontribut tas-Soċjetà Leone fl-opra f’Malta
• L-Intermezz mill-Cavalleria Rusticana ta’ Pietro Mascagni, li minbarra li hija opra b’ruħ Mediterranja, ġiet iddedikata b’tislima lill-memorja ta’ Frankie Bajada fost l-applaws tal-udjenza.
Żewġ marċi b’referenza għat-tradizzjoni tal-festi Maltin
• Il-marċ Benji ta’ Colin Attard
• L-Imnarja ta’ Carmelo Pace
 
Wara l-Banda Leone kompla l-grupp folkloristiku Chludowianie tar-raħal u warajh l-Aurora Folk Group li għalaq il-programm bil-kbir, b’ħafna kant u briju – fosthom verżjoni tal-kanzunetta “Il-Vapur tal-Art” bil-Malti u bil-Pollakk. 

 

 

Wara xi ħaġa ħafifa tal-ikel wara l-programm, uħud mill-membri tal-grupp tagħna ġew milqugħa għand l-Oficjalna Strona Ochotniczej Straży Pożarnej w Chludowie – it-Taqsima tat-Tifi tan-Nar ta’ Chludowo u Poznan. Dawn konna ltqajna magħhom fil-purċissjoni tal-Corpus Christi għaliex kienu qegħdin jassistu fl-għeluq tat-toroq u peress li magħna kellna persuni li jaħdmu f’dan il-qasam f’Malta, kien ta’ pjaċir għalihom li aħna mmorru nżuruhom. Kienet żjara tassew sabiħa fejn kellna l-okkażjoni napprezzaw dejjem aktar kemm f’raħal żgħir u kwiet bħal dan, fil-knisja, fil-librerija, fil-lukanda, fl-iskola u anki fil-qasam tat-tifi tan-nar, issib l-istess nies jew nies mill-istess familji.

L-ikla l-kbira tal-Ħadd kienet filgħaxija meta l-familja Wojtyn, ilkoll membri fil-grupp folkloristiku tar-raħal laqgħu lill-kontinġent Malti u l-ħbieb kollha Pollakki fil-ġnien enormi tad-dar tagħhom għal BBQ. Kien tassew mument sabiħ fejn in-nies tal-gruppi setgħu jitħalltu, jieklu flimkien, jilagħbu l-ballun u jiżfnu… ħafna! Kienet l-isbaħ okkażjoni sabiex kulħadd seta’ jiggosta s-suċċess kbir li għamilna bl-esekuzzjoni mużikali ta’ filgħodu. Ir-raħal kollu kien ġie jarana u baqgħu jsegwuna ġurnata sħiħa tant li ħafna kienu dawk li ġew għand il-familja Wojtyn biex jaqsmu magħna l-ferħ tal-okkażjoni.

 

 

It-Tnejn, il-grupp tagħna kellu prattikament ġurnata libera biex jiskopri daqsxejn il-madwar, fil-belt aktar kontemporanja ta’ Poznan, f’Lake Malta u anki għal min ried fiz-zoo. It-Tlieta, imbagħad il-grupp żar ir-raħal ta’ Kornik, fejn kellna l-okkażjoni nidħlu fil-kastell storiku u nieħdu d-dgħajsa fuq l-għadira l-kbira ta’ Kornik. It-Tlieta filgħaxija, mill-ġdid, il-familja Wojtyn stiednet lill-grupp kollu, bil-Pollakki b’kollox, għall-BBQ tat-tmiem iż-żjara. Bejn is-6pm u l-11pm (peress li kien jisbaħ fit-3:30am u jidlam mhux qabel il-11pm), ikel ma jaqta’ xejn, mużika, kant u żfin u logħba tajba football bejn il-Maltin u l-Pollakki. Kienu wkoll okkażjonijiet sbieħ li fihom qsamna l-ferħ u l-awguri ma’ dawk li kienu qegħdin jiċċelebraw għeluq sninhom f’dawk il-ġranet kif ukoll mas-Segretarju Giovann Sultana u martu Mariella li dakinhar inzerta kien il-25 anniversarju taż-żwieġ tagħhom.

Dan kien il-ħin għat-tislimiet u r-ringrazzjamenti. Minkejja li dawn huma nies li ilna nafuhom 10 snin, u diġà għandna l-pjanijiet li se nerġgħu niltaqgħu f’Għawdex f’Ottubru li ġej, l-arrivederci mhux dejjem kienet faċli għaliex wara ġimgħa naqsmu l-ġranet minn filgħodu sa filgħaxija flimkien, kien hemm daqsxejn tad-diqa li ż-żjara waslet fi tmiemha.

 

L-Erbgħa, 14 ta’ Ġunju, il-kontinġent Malti ta’ Chludowo għabba l-bagalji u l-istrumenti tiegħu, għadda għall-kontinġent miġbur fil-lukanda ta’ Tarnowo u, b’waqfa żgħira f’ċentru kummerċjali, saq mill-ġdid lejn l-ajruport ta’ Berlin għat-titjira lejn Malta. Kienu s-1:30am ta’ sbieħ il-15 ta’ Ġunju meta l-kontinġent wasal quddiem il-każin tal-Banda Leone.Iż-żjara fil-Polonja għall-Banda Leone u l-Aurora Folk Group kienet żjara suċċess fuq diversi livelli. Mużikalment u artistikament, il-prestazzjonijiet, sewwa tal-banda u sewwa tal-folk kienu ta’ livell għoli. Kienu fuq kollox denji li jirrappreżentaw lil żewġ istituzzjonijiet li qegħdin jiċċelebraw anniversarji importanti bħal dawn – 160 u 50 sena, u denji li qed jirrappreżentaw fuq kollox lill-pajjiż tagħna, Malta. Kienu wkoll mument sabiħ għall-għaqdiet tagħna fihom infushom li għenu mhux ftit għad-dinamika bejn il-membri, speċjalment bejn membri tal-banda u membri tal-folk li mhux normalment jiltaqgħu flimkien fil-ħidma tagħhom.
 

Fil-kullana ta’ attivitajiet memorabbli tal-160 sena tal-banda u l-50 sena tal-folk, żgur li ż-żjara fil-Polonja għandha tibqa’ waħda ta’ min jiftakarha u jirrakkontaha.