Nhar is-Sibt, Jum ta’ Tifkira

26. 01. 2017
Ilbieraħ, l-Ikla tal-Ħbieb
23. 01. 2017
Varat sit elettroniku ġdid
11. 02. 2017

Nhar is-Sibt 28 ta’ Jannar 2017, jaħbat għeluq is-17-il sena mill-mewta traġika ta’ Adrian Agius fil-kamra tan-nar 15 t’Awwissu – kamra tan-nar privata, proprjetà tal-istess mibki Dirjanu, li fiha ħadet is-saħħa kollha tagħha, il-fergħa piroteknika tas-Soċjetà tagħna – il-Vampa Organisations.

Il-ġrajjiet kiebja tat-28 ta’ Jannar 2000, mank xahar fil-millennju l-ġdid, għadhom fil-memorja ħajja tagħna lkoll. Kull tant u tant jixirfu mill-ġdid fid-diskors tagħna, avolja m’hemmx ħafna ħtieġa ta’ repetizzjonijiet.
 
Iżda jekk ir-repetizzjoni tar-rakkont mhix daqshekk meħtieġa, it-tiġdid tat-tifkira tagħna iva. It-28 ta’ Jannar ta’ kull sena, sar għas-Soċjetà Filarmonika Leone jum ta’ tifkira, jum ta’ tislima, jum ta’ memorja. L-ewwel u qabel kollox, huwa jum ta’ tifkira, tislima u memorja ta’ Adrian Agius. Forsi Dirjanu, minħabba l-ġrajjiet traġiċi jibqa’ magħruf għal mod ta’ kif kellu jħallina – ħallas bl-ogħla sagrifiċċju għal delizzju li kien iħobb u għal Santa Marija bis-Soċjetà Leone u l-Katidral, li lejhom ma kellu xejn inqas minn passjoni. Imma iva, apparti s-sagrifiċċju tal-ħajja għażiża tiegħu, it-tifkira u l-memorja ta’ Dirjanu għandhom iġibulna vividi s-sagrifiċċji u l-ħidma li Dirjanu kien iwettaq fis-Soċjetà u fil-parroċċa matul is-sena kollha u f’tant u tant oqsma. Kont issibu dejjem, u kont issibu f’kull ħaġa li seta’ jkun utli fiha. Huwa f’dan kollu li Dirjanu jkun għalina ta’ idejal.

“Huwa f’dan kollu li Dirjanu jkun għalina ta’ idejal.”

Ma’ Dirjanu, imbagħad, anki jekk it-28 ta’ Jannar hija l-ġurnata tiegħu, niftakru ukoll f’tant u tant pijunieri oħra li matul ħajjithom, bħalu, kienu disponibbli u ġenerużi mas-Soċjetà Filarmonika Leone. Minn dawn hemm ħafna. Uħud daqsxejn storbjużi u xogħolhom joħroġ fid-deher; oħrajn aktar sottili, kawti u diskreti, imma l-kontribut tagħhom mhuwa xejn inqas importanti jew sinjifikattiv. F’dawn ukoll niftakru f’dan il-jum ta’ tifkira, għaliex meta nkunu nagħmlu hekk, inkunu qegħdin nirrikonoxxu li s-Soċjetà Leone ma tibdiex u tispiċċa magħna. Aħna qegħdin hawn, għax qabilna kien hawn tant qlub ġenerużi, u d-dmir tagħna huwa li nkunu bħalhom (u possibilment aktar minnhom) biex ta’ warajna jkunu jistgħu jsibu patrimonju aktar sħiħ.

F’dan is-sens, allura, it-28 ta’ Jannar isir jum ta’ tifkira mill-aktar denju, b’obbligu morali għas-Soċjetà Filarmonika Leone tal-lum u tal-ġejjieni li tibqa’ żżommu b’jum għażiż.

APPUNTAMENT: Nhar is-Sibt 28 ta’ Jannar 2017 fis-7:15pm niltaqgħu fil-Katidral għal quddiesa ta’ tifkira u b’suffraġju ta’ ruħ Adrian Agius mal-Membri tas-Soċjeta Filarmonika Leone u l-fergħa tal-Vampa Organisations.