Bosta partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Leone attendew għall-ikla li tiġi organizzata ta’ kull sena mis-Soċjetà Filarmonika Leone, li biha, il-membri tal-kumitat, bandisti, membri tal-fergħat u kummissjonijiet, u partitarji jingħaqdu flimkien sabiex jibdew sena ta’ ħidma volontarja oħra fi ħdan is-Soċjetà tagħna. Hija okkażjoni sabiex is-Soċjetà tieqaf ftit minn ħidmitha sabiex turi apprezzament lill-volontarji kollha li jgħinu lis-Soċjetà tkun dik li hi – Soċjetà b’kalendarju artistku u soċjali impenjattiv ħafna.
“…apprezzament lill-volontarji kollha li jgħinu lis-Soċjetà tkun dik li hi – Soċjetà b’kalendarju artistiku u soċjali impenjattiv ħafna.”
Kienet ikla fejn kulħadd flimkien, bħala soċjetà waħda, dħakna, irrakkontajna x’ġara matul din is-sena, u fraħna bis-suċċessi li ksibna matul is-sena 2016. Iżda, fuq kollox, informalment tkellemna fuq ix-xewqa ta’ kisbiet li se nimmiraw għalihom fis-sena 2017.
Lejn tmiem din l-ikla, l-artist Manwel Grech ippreżenta lill-President Dr. Michael Caruana ritratt tal-Papa Franġisku jżomm immaġini tal-istatwa ta’ Santa Marija. Bosta kellhom kliem ta’ tifħir lejn il-membri tal-Għaqda Armar Santa Marija, li bil-kisba tagħhom ġabu unur lis-Soċjetà Filarmonika Leone u l-komunità parrokkjali tal-Katidral. Waqt din l-ikla membri tal-kumitat ġabru wkoll il-miżata ta’ dawk kollha preżenti li xtaqu jittesseraw ruħhom għas-sena 2017.
L-appuntament li jmiss issa huwa nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar 2017 għall-quddiesa tal-ewwel ġimgħa tax-xahar fil-Każin tal-Banda Leone, kif ukoll nhar is-Sibt 11 ta’ Frar 2017 għall-ikla għaġin organizzata mis-Sezzjoni Briju u Għaqda Armar Santa Marija.