Ir-Redentur tal-Katidral minn Sant’Wistin għaċ-Ċittadella
Nhar il-Ġimgħa, 4 t’April 2025, il-Parroċċa tal-Katidral ta’ Għawdex se torganizza l-pellegrinaġġ penitenzjali, li jsir ta’ kull sena, il-Ġimgħa ta’ qabel id-Duluri, bix-xbieha ta’ Ġesú mgħobbi s-salib, jew ir-Redentur.
Din is-sena wkoll, il-pellegrinaġġ se jibda b’quddiesa fis-6:30pm fil-knisja ta’ Sant’Wistin, tal-Patrijiet Agostinjani, immexxija minn Mons. Arċipriet Joseph Sultana. Dritt wara, jibda l-pellegrinaġġ bil-meditazzjonijiet tal-Via Sagra matul it-triq. Il-pellegrinaġġ jitlaq minn Pjazza Sant’Wistin lejn Triq il-Librerija, Triq Santa Marija (il-Mandraġġ), Pjazza Savina, It-Telgħa tal-Belt u ’l fuq lejn iċ-Ċittadella għall-Katidral.
Fil-Katidral imbagħad, waqt li jkun hemm ukoll is-servizz tal-qrar, l-attività liturġika tagħlaq bil-Barka Ewkaristika.
Fl-okkażjoni tas-sena tal-Ġublew tat-Tama mniedi mill-Papa Franġisku, pellegrinaġġ ta’ din ix-xorta, li jintemm fil-Katidral, li hija waħda mill-knejjes ġubilari għad-djoċesi ta’ Għawdex, iġib miegħu r-rebħ tal-indulġenza plenarja.
Il-parruċċani tal-Katidral u l-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Leone huma mħeġġa sabiex jattendu għal dan il-pellegrinaġġ bix-xbieha devozzjonali tar-Redentur, li mbagħad terġa’ toħroġ ġimagħtejn oħra fil-purċissjoni solenni tal-Ġimgħa l-Kbira.