Perit Joe Mizzi, RIP 29 ta’ Marzu 2025
Illum, fil-parroċċa ta’ San Lawrenz, Għawdex, qiegħed jinżamm il-funeral tal-Perit Joe Mizzi, li miet fid-29 ta’ Marzu 2025 fl-età ta’ 89 sena. Tiegħu huma l-pjanti tal-1962 tal-ewwel Teatru Aurora.
L-ewwel Teatru Aurora, fi Triq l-Arċipriet Saver Cassar tela’ bħala każin, sala tat-teatru u sala taċ-ċinema fuq il-każin preċedenti tas-Soċjetà Filarmonika Leone. Dan kien il-każin li kien jospita fih, sa mill-1931, ir-Royal Talkie, mibni fuq dik li kienet id-dar tal-Arċipriet tal-Matriċi u mexxej tal-Għawdxin kontra l-Franċiżi Saver Cassar.
Fil-bidu tas-snin 60, is-Soċjetá Filarmonika Leone kienet qiegħda tħejji sabiex tiċċelebra għeluq il-100 sena ta’ ħajja – 1863-1963, u l-każin il-ġdid kellu jkun speċi ta’ proġett taċ-ċentinarju. Għal dan il-għan kien ġie mqabbad il-Perit Joseph Mizzi, minn San Lawrenz. Ix-xogħol tal-bini, imbagħad, kien mexxih l-Imgħallem Karlu Vella. Dan il-każin kien jinkludi l-ewwel bejt tal-konkos tal-qies tiegħu f’Għawdex, fi żmien meta t-teknoloġija u s-sengħa tal-bini kienet bdiet tevolvi.
It-twaqqigħ tal-każin l-antik kellu jibda fid-9 ta’ Lulju 1962, iżda dakinhar inzerta li s-Soċjetá Filarmonika Leone waqgħet f’luttu kbir għall-mewt tal-Avukat Francesco Masini. Ix-xogħol eventwalment beda wara l-funeral.
Il-każin, bit-Teatru Aurora – imsemmi Aurora għas-simboloġija ta’ Marija tielgħa s-sema – kien jinkludi diversi spazji, fosthom bar, banka tal-lottu, sala taċ-ċinema, sala tal-kunċerti u swali għall-kumitat u l-amministrazzjoni. Baqa’ jservi sas-snin 70. Minn ‘Aurora’ sar jismu ‘Leo’ fl-1 ta’ Settembru 1975 meta s-Soċjetà kienet kważi lestiet it-tranżizzjoni tagħha għall-Aurora l-ġdid – jew l-Aurora preżenti. Aktar tard, imbagħad fis-snin 80, sar Ċentru Parrokkjali, u fih ġew żviluppati kappella b’sagristija, kmamar għal-lezzjonijiet tad-duttrina u librerija parrokkjali. Illum il-ġurnata, il-binja tal-każin l-antik hija mill-ġdid kollha proprjetà tas-Soċjetà Filarmonika Leone.
Il-Perit Mizzi, fi żmienu wkoll direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħalla lil martu Tanya (Parlato Trigona), ħuh John u martu Elizabeth u wliedhom Clare, Sandra u Sarah bil-familji tagħhom.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone twassal il-kondoljanzi tagħha lill-familjari tal-Perit Mizzi.