L-Aurora Folk Group għall-festival Homoljski Motivi fis-Serbja

PRO
01. 04. 2025
Fil-Katidral: jintramaw il-vari tal-Passjoni
31. 03. 2025
Nhar il-Ġimgħa: Pellegrinaġġ penitenzjali b’Ġesú Redentur
02. 04. 2025

Il-57 edizzjoni tal-Homoljski Motivi bejn it-28 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju.

Il-grupp folkloristiku Aurora se jkun qiegħed jieħu sehem fil-festival folkloristiku Homoljski Motivi fis-Serbja bejn it-28 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju, fil-57 edizzjoni tiegħu. Dan ġie mħabbar fuq il-mezzi tal-medja soċjali tal-Aurora Folk Group aktar kmieni llum.

Il-Homoljski Motivi huwa festival kulturali u mużikali li jsir kull sena fir-reġjun ta’ Homolje, fil-Lvant tas-Serbja. Huwa festival iddedikat għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-mużika tradizzjonali folkloristika, iż-żfin u t-tradizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali. L-avveniment ġeneralment iseħħ fil-villaġġ ta’ Zdrelo, li jinsab fir-reġjun muntanjuż pittoresk.

Il-festival iġib flimkien diversi gruppi tal-mużika folk, żgħażagħ, u artisti, kemm lokali, u naturalment internazzjonali, kif se jkunu f’din l-okkażjoni, il-membri tal-Aurora Folk Group minn Malta. Il-festival, għalhekk huwa mistenni joffri spettaklu ta’ żfin u kant, anki b’użu ta’ strumenti mużikali tradizzjonali bħat-tnabar u l-fiżarmoniċi.

Il-grupp folkloristiku tagħna, l-ewwel wieħed imwaqqaf fil-gżejjer Maltin, lura fl-1973 minn Anton Farrugia, fi ħdan l-Aurora Youth Movement, huwa magħruf għall-mawriet internazzjonali li jagħmel b’mod regolari. Dan apparti s-servizzi folkloristiċi varjati li jkollu f’Malta u Għawdex, u fuq kollox il-festival internazzjonali li jorganizza ta’ kull sena f’Ottubru fiċ-Ċittadella u l-Belt Victoria. Din tas-Serbja għandha tkun esperjenza oħra li tiżdied mal-kullana ta’ memorji u storja mill-isbaħ ta’ dan il-grupp.

Il-preparamenti għal din iż-żjara fis-Serbja jinsabu diġà għaddejjin, kemm mil-lat ta’ loġistika u anki mil-lat ta’ provi mużikali, sewwa għaż-żeffiena u sewwa għall-mużiċisti. L-Aurora Folk Group mistenni jippreżenta programm ta’ żfin u kant b’mużika live, sewwa mir-repertorju stabbli tal-grupp kif ukoll repertorju ġdid li mistenni jiżżanżan f’dik l-okkażjoni.