Spes Unica – il-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa
Kienet tassew okkażjoni emozzjonanti u sabiħa, dik ta’ nhar it-Tlieta 15 t’April, li biha, il-Banda Ċittadina Leone, biex ngħidu hekk, fetħet l-impenji tagħha għall-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena. Il-Katidral ta’ Għawdex kien armat bl-isbaħ libsa tal-okkażjoni, hekk kif anke l-vara ta’ Ġesu inkurunat bix-xewk żanżnet il-porpra ġdida tagħha maħduma f’Ruma u meħjuta f’Għawdex. Il-Katidral kompla jissebbaħ bl-udjenza numeruża li mliet il-korsija, taħt in-navi u ħalliet anki nies fil-kappelluni l-kbar u bilwieqfa fuq wara ħdejn il-bieb il-kbir.
Bla ebda ħsieb, is-serata ġiet iddedikata lill-eks President u President Onorarju Ġiġi Xuereb li ħalliena jum qabel. Kien is-Surmast Colin Attard li malli ħareġ biex jidderieġi għamel id-dedika u talab biex tinżamm il-minuta silenzju mill-udjenza, li kienet tinkludi wkoll lit-tliet ulied subien tas-Sur Xuereb, Michael, Joseph u Max.
Imbagħad il-banda bdiet bl-ewwel silta li kienet il-marċ funebri ta’ Joseph Sammut, Addolorata. Meqjus bħala wieħed mill-isbaħ xogħlijiet tiegħu f’dan il-ġeneru, l-Addolorata dewa fl-akwistika perfetta tal-Katidral ta’ Għawdex, ġawhra arkitettonika ta’ Lorenza Gafa. Is-serata kienet ippreżentata minn Claire Bajada, u kkumplimentata b’riflessjonijiet u meditazzjonijiet tassew profondi u evokattivi minn Dun Manwel Magro, saċerdot tal-parroċċa tal-Katidral li preżentament qiegħed ukoll iservi bħala Delegat tal-Isqof għall-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. Il-kontribuzzjonijiet ta’ Dun Manwel Magro, ippreżentati bil-Malti, kien fihom ukoll traduzzjoni stampata bl-Ingliż li tqassmet lil bosta membri barranin fl-udjenza li attendew għas-serata. Dawn kienu jitrattaw il-virtu tat-tama, u kif fid-dawl tal-ġrajja tas-salvazzjoni, għan-Nisrani, it-Tama Waħdanija hija s-Salib bħala t-triq għall-glorja ta’ dejjem.
Bejn ħsieb u ieħor, l-udjenza kienet mistiedna tkompli tapprofondixxi l-ħsieb tagħha waqt li l-Banda Leone esegwiet silta isbaħ minn oħra. L-ewwel waħda kienet l-Adagio Cantabile, mis-Sonata No. 8 għall-pjanu, ta’ Beethoven, magħrufa bħala l-Pathétique. Timbru u kulur mużikali ta’ banda tassew imħarrġa taħt il-kontroll assolut tas-Surmast Attard.
It-tieni silta, imbagħad, kienet Hymn to the Fallen, soundtrack mill-film Saving Private Ryan ta’ John Williams. Din ġiet b’temperament u texture kompletament differenti. Timbru aktar militari u kolossali li kompliet tqanqal tant emozzjonijiet fost l-udjenza.
Is-silta ta’ wara kienet silta purament sagra – Agnus Dei, jew allura l-akklamazzjoni tal-Ħaruf t’Alla, ta’ Georges Bizet. F’din is-silta, il-Banda Leone akkumpanjat lil Daniel Gauci, solista fuq l-ewfonju, li rregalalna interpretazzjoni sublimi ta’ dan ix-xogħol ċelebri tal-kompożitur Franċiż.
Kien imiss imbagħad lill-Aurora Youth Choir li jagħmel l-intervent solitu tiegħu. Din is-sena, peress li t-tema kienet meħuda mill-Ġublew tat-Tama, il-kor taż-żgħażagħ tat-Teatru tal-Opra Aurora kanta t-Talba tal-Ġublew tat-Tama miktuba mill-Papa Franġisku. Din ġiet immużikata għall-okkażjoni minn Matthew Sultana li dderieġa lill-kor u akkumpanja fuq l-orgni. Il-pubbliku seta’ jsegwi minn fuq il-fuljett li kien stampat għall-okkażjoni, bin-noti tal-programm, it-talba tal-ġublew u siltiet mill-bolla tal-indizzjoni tal-istess Ġublew ordinarju tat-Tama, 2025.
Il-programm kompla bin-Nimrod, mill-Varjazzjonijiet Enigma, Op. 36, ta’ Edward Elgar. Hawnhekk, il-Banda Ċittadina Leone xxalat f’interpretazzjoni mill-isbaħ, kollha tempijiet fil-wisa’ li jagħmlu dan ix-xogħol grandjuż aktar spettakolari u impressjonanti biex jilħaq qofol sabiħ b’impatt qawwi fi tmiemu.
L-aħħar silta, naturalment qabel l-innu La Croce, kienet marċ ġdid, miktub minn Colin Attard bl-isem Sliem Dejjiem – tislima lil Dwardu Grech. Kif inhi konswetudni, bandisti u membri tal-kumitat, kollha jkollhom marċ iddedikat lilhom wara mewthom, u hekk kien imiss din id-darba lill-maħbub u qatt minsi eks Viċi-President Edward Grech (1924-2022). Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll ulied is-Sur Grech.
Spes Unica – Tama Waħdanija, kienet okkażjoni oħra mill-aktar sabiħa, u li fost is-segwaċi tal-Banda Leone kompliet tistabbilixxi u tagħti raġun għalfejn l-attivitajiet mużikali tal-Banda Leone jkunu segwiti u jkollhom attendenza tajba – għaliex għal darba oħra, il-Banda Leone tefgħet impenn qawwi fuq il-prodott mużikali, fuq il-prodott artistiku, u fuq l-esperjenza sħiħa li offriet lill-pubbliku li għoġbu jattendi.