Imwieled il-Birgu, devot ferventi u magħruf ta’ San Duminku, Mario Gatt kien attiv fi ħdan il-parroċċa tal-Katidral fiż-żmien li qatta’ jgħix f’Għawdex. Huwa kien wieħed mix-xandara fl-ewwel snin ta’ Radju Katidral u anke aġixxa ta’ Station Manager ta’ Radju Katidral sakemm fl-2003 ġie maħtur bħala Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Leone.
Min huwa midħla tas-sistemi tas-soċjetajiet, m’għandu ebda ħtieġa ta’ spjegazzjoni dwar l-importanza tal-irwol tas-Segretarju f’każin tal-banda. Inizjattivi u ħidmiet, jiddependu ħafna fuq is-segretarju u s-segretarjat li jibni madwaru. Mario Gatt kien ħadem qatigħ f’dan ir-rigward, u kull min jiftakar il-ħidma tiegħu, jikkonferma kemm Mario Gatt nissel kultura ta’ segretarjat aktar wiesa’ u aktar inklussiv. Bil-mod il-mod, huwa mexxa wkoll lis-Soċjetà biex timmodernizza ruħha.
Fost il-ħidma, bena tim għall-ewwel website tas-Soċjetà, bena festival madwar l-organizzazjoni tal-opra lirika u ra li t-teatru jkun pijunier fl-ispettakli li joffri. F’waħda mill-inizjattivi li ħadem ħafna fuqhom kien sar il-kunċert ta’ mużika sagra fil-Katidral li fih kienet ġiet irrekordjata l-mużika tat-tridu u l-festa ta’ Santa Marija f’Diċembru 2003. Niftakru wkoll is-serati ta’ musicals produzzjoni Taljana, it-tribute band tal-Bee Gees u fuq kollox iż-żewġ kunċerti spettakolari ta’ Marco Masini f’Marzu u April 2006.
Il-mewt ta’ Mario Gatt, li ma konniex qegħdin nistennewha, qanqlet ħafna memorji sbieħ fost dawk kollha li ħadmu miegħu fi żmienu fil-każin. Niftakruh bħala Segretarju li ħadem bla heda u ddefenda bis-sħiħ l-interessi tas-Soċjetà Leone u tal-Katidral, anki fi kwistjonijiet xejn sempliċi u faċli bħalma kienu l-episodji marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira fl-2005. Huwa kien Segretarju fi żmien il-festi Ċinkwantinarji tal-2006 meta organizzajna festi straordinarji f’April u f’Awwissu f’għeluq il-50 sena mill-għotja tal-istatwa ta’ Santa Marija lill-Katidral.
Anki mill-Irlanda, fejn kien qed jgħix, Mario Gatt kien għadu f’kuntatt mal-amministrazzjoni u l-voluntiera tas-Soċjetà, kien isegwina mhux biss fuq il-medja soċjali imma anki billi jitkellem man-nies tagħna. Kien għadu tesserat, u kull meta jkun Malta kien jagħmel mezz li jiġi jżurna fil-każin u jiltaqa’ magħna.
Il-funeral ta’ Mario Gatt għandu jsir f’Malta fil-jiem li ġejjin. Is-Soċjetà Filarmonika Leone b’sinjal ta’ rispett se tkun rappreżentata. Dettalji jitħabbru aktar ‘il quddiem. Is-Soċjetà tibgħat il-kondoljanzi tagħha lill-familja kollha tiegħu.
Agħtih o Mulej, il-Mistrieħ ta’ Dejjem.