Nhar il-Ħadd li għadda, bħal kull sena, is-Soċjetà Filarmonika Leone tellgħet serata ta’ mużika u riflessjonijiet ftit qabel il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din is-sena, is-serata kienet qed iddur mat-tema tal-għuda tas-Salib ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, b’hekk l-isem Lignum Crucis. Lignum Crucis – il-Għuda tas-Salib li fuqha Sidna Ġesu Kristu fdiena, żewġ kelmiet qosra li huma l-fulkru tat-tagħlim tagħna l-insara. Din it-tema ġiet ispirata mir-relikwa tas-salib, meqjuma fil-Katidral t’Għawdex, liema relikwa tpoġġiet fuq il-presbiterju stess waqt din is-serata.
Il-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Colin Attard, għażlet selezzjoni ta’ siltiet mużikali varji tal-aktar kompożituri rinomati. Is-siltiet mużikali esegwiti kienu:
Canon in D – Johann Pachelbel
Air on G String – Johann Sebastian Bach
Largo – George Frideric Handel – direzzjoni tal-Ass’t Surmast Joseph Debrincat
Gerusalem from I Lombardi alla Prima Crociata – Giuseppe Verdi
Adagio for Clarinet – Richard Wagner
Moonlight Sonata (1st Movt.) – Ludwig Van Beethoven
Requiem – Giacomo Puccini
Blessed are they – Johannes Brahms
Is-selezzjoni mużikali kienet imżewqa b’ riflessjonijiet rigward is-Salib li fuqu Kristu ta’ ħajtu, liema riflessjonijiet kienu minsuġin mill-kitba ta’ Darren Vella. Flimkien mal-Banda Ċittadina Leone, ipparteċipa ukoll l-Aurora Youth Choir, kor ta’ tfal fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Leone. Dan il-kor esegwixxi żewġ siltiet, kitba ta’ Matthew Sultana, li rriflettew fuq it-tema tas-serata – Lil Hinn mill-Glorja Tiegħu u Ecce Lignum Crucis, l-aħħar waħda minn riflessjonijiet ta’ San Ġwanni Pawlu II.
Is-serata intemmet bil-marċ funebri La Croce tas-Surmast Orlando Crescimanno, bil-kant tal-Aurora Youth Choir u dawk kollha preżenti fil-Katidral t’Għawdex.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone tirringrazzja lill-Bandisti kollha tal-Banda Ċittadina Leone u l-familjari tagħhom, lis-Surmast Colin Attard u lill-Assistent Surmast Joseph Debrincat, lill-membri tal-Aurora Youth Choir, lil Mons Arcipriet, il-Kapitlu Katidrali u l-Kleru, u n-numru sabiħ ta’ persuni li ngħaqdu mas-Soċjetà f’din is-serata.
L-appuntament li jmiss mas-Soċjetà Filarmonika Leone, il-Banda Ċittadina Leone u l-Parroċċa tal-Katidral huwa nhar il-Ħadd li ġej, 25 ta’ Marzu, fis-6.00pm, għall-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira madwar il-Belt Victoria.
Ritratti: Giovann Sultana u Giacomo Grech