Dan il-kunċert ittella’ bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria u kien parti mill-programm ta’ produzzjonijiet artistiċi ta’ Valletta 2018.
Il-Kunċert ittella’ fi Pjazza Indipendenza, fejn il-Banda Leone, komposta minn disgħin bandist, kienet taħt it-tmexxija tas-Surmast Direttur Colin Attard u esegwiet selezzjoni ta’ siltiet varji ta’ mużika pop. Fost is-selezzjoni mużikali kien hemm siltiet tal-band Taljana Pooh, Bon Jovi, Michael Jackson, Robbie Williams, Amy Winehouse, the Passanger u Bruno Mars. Il-Banda Leone esegwiet ukoll diversi medleys, kif ukoll siltiet fenomenali bħal ‘Sing, Sing, Sing’ mis-sena 1937, li niżlet għasel mal-udjenza preżenti, b’diversi persuni jiżfnu mal-mużika fi Pjazza t-Tokk.
Mal-Banda Leone ngħaqdu l-kantanti lokali popolari Claudia Faniello u Matthew James (ex-Red Electrick), kif ukoll it-talent lokali minn Għawdex Fabian Galea, Francesca Sciberras, Michela Pace u l-kor residenti tas-Soċjetà Aurora Youth Choir. Il-kunċert kien ippreżentat minn Daniel u Ylenia minn 89.7 Bay.
Eluf ta’ persuni, kemm lokali, Maltin u barranin, inġabru sabiex igwadu dan l-ispettaklu fenomenali. Minn barra elf siġġu fil-pjazza, l-udjenza setgħet tiekol fl-apert fir-restaurants tal-madwar jew isegwi l-kunċert minn standing areas maħluqin apposta.
Dan il-kunċert ingħalaq bil-parteċipazzjoni tat-talent lokali kollu bis-silta ‘We are the World’, segwit minn xelta tal-mużika Maltija u s-siltet ‘Sun is Shining’ u ‘Sing, Sing, Sing’ b’nar sinkronizzat. L-għeluq spettakolari inkluda l-parteċipazzjoni tal-udjenza kollha, fejn bil-kant ta’ ‘Viva Malta’ u bl-użu ta’ sparklers u torċijiet tal-mobiles waqt il-kanzunetta ‘Xemx’, inħolqot atmosfera meraviljuża fi Pjazza t-Tokk, li kien segwit bil-ħruq ta’ nar mill-bjut. Ċertament li dan il-kunċert kien esebizzjoni tal-kapaċitajiet artistiċi ta’ ‘l fuq minn mitt ruħ involut f’din il-produzzjoni, kemm bandisti, kantanti, pirotekniċi u t-tim tal-produzzjoni kollu.
Leone Goes Pop kien imtella’ bis-sapport tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Lokali Belt Victoria, il-Ministeru għal Għawdex, Farsons u Citadel Insurance. Is-Soċjetà tibqa’ kommessa, li kif għamlet tul dawn l-aħħar 155 sena, tkompli tagħti esebizzjonijiet artistiċi b’xejn lill-pubbliku u tkun ta’ pjattaforma għal talent lokali.
Is-Soċjetà Filarmonika Leone tirringrazzja fuq kollox lill-Bandisti tal-Banda Ċittadina Leone tas-servizz tagħhom, lit-tim tal-produzzjoni, lill-isponsors, kantanti, comperes u dawk kollha involuti fil-produzzjoni tal-Leone Goes Pop ta’ din is-sena. Fuq kollox, is-Soċjetà tirringrazzja lill-eluf ta’ persuni li ħonqu t-toroq tal-belt Victoria sabiex igawdu dan l-ispettaklu meraviljuż li mmarka suċċess ieħor mis-Soċjetà Filarmonika Leone, fil-ħdax-il sena konsekuttiva tal-Kunċert Leone Goes Pop.