L-Aurora Folk Group jagħmel unur lil Malta fil-Latvja

05. 07. 2018
Immarkat suċċess ieħor bil-Leone Goes Pop
13. 06. 2018
Anton F. Attard, 1943 – 2018: Iħallina Anton F. Attard – membru onorarju
19. 07. 2018
 

L-Aurora Folk Group, l-ewwel grupp folkloristiku f’Għawdex, jinsab bħalissa ġewwa l-Latvja sabiex jipparteċipa fil-Festival tal-Kanzunetta u taż-Żfin Latvja. 

Il-Ministeru għall-Kultura tar-Repubblika tal-Latvja stieden lil grupp folkloristiku Għawdxi, imwaqqaf fl-1973 bħala l-ewwel grupp tat-tip tiegħu f’Għawdex, sabiex jipparteċipa f’dan il-festival li qed jittella’ bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali taċ-Ċentinarju mit-twaqqif tar-Repubblika tal-Latvja.

 

Ritratt uffiċjali tal-Aurora Folk Group fil-Latvja (Grazzi Betty Bugeja)

 

Dan huwa l-ewwel grupp Malti li ħa sehem f’dan il-festival li hu mniżżel bħala Wirt Kulturali Intanġibbli għall-Umanità tal-UNESCO. Il-Festival, li li jittella’ kull ħames snin sa mill-1873, hu avveniment li jinvolvi eluf ta’ parteċipanti minn madwar il-pajjiż kollu. F’din is-sena dan il-festival qed jiġi meqjus bħala l-akbar Folk Festival li qatt sar fid-dinja, fejn infatti l-Aurora Folk Group ingħaqad ma’ 40,000 parteċipant minn madwar il-Latvja u xi pajjiżi oħra. Fost il-parteċipanti hemm kantanti, żeffiena, mużiċisti u artisti fost l-oħrajn, fejn flimkien se jiżżewqu f’festival ta’ ġimgħa ġewwa l-belt kapitali tal-Latvja.

 

 

Dan il-grupp beda billi pparteċipa fil-parata grandjuża tal-ftuħ tal-festival fi Vjal il-Ħelsien tal-Belt Kapitali Riga, fejn dan il-grupp ġie milqugħ bl-għajjat ta’ “Malta, Malta”, minn eluf li ħonqu din it-triq maġġuri ta’ din il-belt. Tul dawn il-jiem, l-Aurora Folk Group tella’ tlett esebizzjonijiet uffiċjali madwar il-pajjiż. Il-grupp folkloristiku magħmul minn żeffiena nisa, irġiel u tfal, kif ukoll orkestra u kantanta live, ipparteċipat f’kunċert minn grupp folkloristiċi barranin mistednin f’Vermanes Park fiċ-ċentru ta’ Riga. Barra minn hekk, l-Aurora Folk Group tella’ esebizzjonijiet ta’ żfin folkloristiku fil-Belt ta’ Cēsis u fir-raħal ta’ Liepa, fejn il-grupp kien milqugħ b’ferħ mill-mijiet ta’ persuni minn dawn il-lokalitajiet fil-Latvja.

 

Betty Bugeja

 

L-Aurora Folk Group jirrappreżenta lil Malta b’mod regolari f’diversi pajjiżi, fosthom l-Ingilterra, l-Irlanda, l-Italja, l-Afrika ta’ Fuq, l-Polonja u issa l-Latvja. Infatti, fl-2001, il-grupp għamel esebizzjoni fil-beraħ fi Pjazza di Spanja f’Ruma u f’udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone tirringrazzja lill-membri kollha ta’ dan il-grupp folkloristiku tal-unur li għamel lis-Soċjetà u lill-pajjiżna, b’mod speċjali l-organizzaturi ta’ dan il-grupp Marlon Mercieca, Michelle Farrugia u Patrick Grima. Is-Soċjetà hija onorata li l-ewwel grupp folkloristiku Għawdxi ġie mistieden sabiex jirrappreżenta lil Malta fiċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali ta’ pajjiż Ewropew ieħor. Is-Soċjetà tħares ‘l quddiem sabiex bl-attivitajiet kulturali tagħha tkompli tagħti ġieħ lill-pajjiżna.