Deċiżjoni: Sejħa għall-Offerti

04. 06. 2018
Leone Goes Pop (11-il edizzjoni)
13. 05. 2018
Immarkat suċċess ieħor bil-Leone Goes Pop
13. 06. 2018

Sabiex is-Soċjetà Filarmonika Leone tiżgura trasparenza fil-proċess tas-Sejħa għall-Offerti Bar u Ristorant, ippublikata nhar l-Erbgħa 25 t’April 2018, is-Soċjetà qiegħda tippubblika l-proċess sħiħ li bih mexa l-Bord tas-Selezzjoni maħtur mill-Kumitat Ċentrali.

 

  1. Sejħa għall-Offerti

Il-Bord tas-Selezzjoni ġie maħtur mill-Kumitat Ċentrali fil-laqgħa numru 5 ta’ nhar it-Tlieta 27 ta’ Marzu 2018. Dan il-Bord kien magħmul minn Dr Michael Caruana, Dr Jean Paul Grech, il-Perit Mario Cordina u Thomas Bajada.

Il-Bord ħareġ is-sejħa nhar l-Erbgħa 25 t’April 2018. Din kienet irreklamata fuq il-gazzetta The Sunday Times of Malta ta’ nhar il-Ħadd 29 t’April 2018. Din l-offerta kienet tinkludi pjanta tal-Bar u ż-żoni tal-madwar, immarkata b’żoni ta’ konċessjoni li jinkludu il-bar eżistenti bid-dahar jersaq ‘l quddiem, kamra fuq wara tal-bar eżistenti, it-toilets eżistenti, il-parti ta’ wara tal-kċina tal-Każin u entratura minn ħdejn il-bieb ta’ ġenb. Din l-offerta kienet tinkludi ukoll draft tal-kuntratt li joffri l-bar għall-perjodu ta’ għaxar snin u jorbot lill-inkwilin għall-refurbishment totali tal-Bar u il-bidu ta’ servizz ta’ ristorant. L-offerta ma kinitx teskludi punti oħrajn u/jew differenti sabiex tħalli lok għal offerti varji li jistgħu jintefgħu, mingħajr ma jippreċudikaw l-interessi u l-attivitajiet eżistenti tas-Soċjetà. Il-perjodu tas-sejħa għall-offerti kien twil tlett ġimgħat u nofs u din is-sejħa għalqet nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju 2018 f’nofsinhar.

 

  1. Ftuħ tal-Kaxxi u l-Offerti Mixħuta

Il-Bord tas-Selezzjoni saħaq dwar trasparenza f’dan il-proċess. B’hekk, immedjatament wara li għalaq il-perjodu, inkitbu l-ammonti tal-offerti sabiex ma jkunx hemm lok t’allegazzjonijiet ta’ ftehim ta’ offerti.

Offerta Nu. 1 – Sur Anthony Bonaci – Kirja ta’ €7,120 fis-sena għal ħmistax-il sena, b’refurbishment ta’ kċina ġdida u bdil t’imwejjed u siġġijiet. Pjanta taż-żoni kienet annessa.

Offerta Nu. 2 – Sur Leo Apap – Kirja ta’ €6,000 fis-sena fl-ewwel għaxar snin u €12,000 fil-ħames snin ta’ wara. Din l-offerta ma kinitx tispeċifika refurbishment. Pjanta taż-żoni ma kinitx annessa.

Offerta Nu. 3 – Sur Joshua Zammit u Sur George Marlon Zammit – Kirja ta’ €12,000 fis-sena fuq ħmistax-il sena, b’eżenzjoni fl-ewwel sena u nofs. Ir-refurbishment kien jinkludi kafetterija fuq iż-żoni ta’ quddiem u sports bar fil-bar eżistenti, b’rilokazzjoni tal-bar eżistenti u kċina li tinfed bejn il-bar u kafetterija, bit-toilets magħmulin ġodda. Ir-refurbishment, bi pjanta ta’ żoni annessa, kien maqsum fuq stadji hekk kif ġej:

Stadju 1 (Ġunju – Jannar 2019): Pjanar mas-Soċjetà fuq disinn u tqassim. Bidu fuq kċina u toilets.

Stadju 2 (Jannar 2019): Bidu tax-xogħol fuq Kafetterija.

Stadju 3 (Jannar 2020): Bidu tax-xogħol fuq Sports Bar.

 

  1. Laqgħat mal-Offerenti

Il-Bord tas-Selezzjoni, wara li qara l-offerti fid-dettal, qabel li jibgħat ittra lil Anthony Bonaci fejn jgħarrfu li l-offerta tiegħu hija ferm baxxa u mhux se tkun ikkunsidrata għal din is-sejħa għall-offerti. Rigward iż-żewġ offerenti l-oħra l-Bord qabel  li jsiru laqgħat magħhom it-Tnejn 21 ta’ Mejju 2018. Dawn iż-żewġ offerenti ġew infurmati bil-miktub b’din it-talba. Fil-laqgħat, li saru fis-Sala Dr Francesco Masini, ġew diskussi ż-żewġ offerti separatament, fejn l-offerenti setgħu jispjegaw u jżidu mal-offerti tagħhom. L-informazzjoni kollha bil-minuti tal-laqgħa u d-dokumenti kollha ġew miġbura f’rapport li ġie ppreżentat lill-kumitat.

 

  1. Laqgħa tal-Kumitat

Fil-Laqgħa tal-Kumitat numru 7 ta’ nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2018, il-Kumitat evalwa r-rapport tal-Bord tas-Selezzjoni, fejn wara l-laqgħat li saru dawn iż-żewġ offerti ġew spjegati u elenkati hekk kif ġew diskussi f’dawn l-istess laqgħat:

Offerta Numru 2: €6,000 fis-sena fl-ewwel għaxar snin u €12,000 fis-sena fil-ħames snin ta’ wara. Dan iwassal għal total ta’ €120,000 fuq perjodu ta’ ħmistax-il sena. Tinkludi ukoll offerta għar-rilaxx ta’ biljardi bil-ħlas. Din l-offerta fil-qosor tinkludi kċina ġdida, tindif tal-madum u bar ġdid li jkun iqsar minn tal-lum b’open kitchen fil-biċċa tal-Bar imneħħiha.

Offerta Numru 3: €12,000 fis-sena fl-ewwel għaxar snin u €15,000 fis-sena fil-ħames snin ta’ wara. Dan iwassal għal total ta’ €177,000. L-ewwel sena u nofs tkun bla kirja. Din l-offerta fil-qosor tinkludi kċina ġdida, bdil tal-madum, bar ġdid fuq in-naħħa ta’ sports bar u bar ġdid in-naħħa ta’ kafetterija.

Fil-laqgħa ġew diskussi dawn iż-żewġ proposti. Il-membri tal-Kumitat, inkluż is-Sur Colin Apap, ingħataw l-opportunità li jresqu l-mistoqsijiet jew ħsibijiet tagħhom dwar iż-żewġ proposti, liema mistoqsijiet u ħsibijiet kollha ġew imwieġba u ċċarati. Wara diskussjoni, il-Kumitat Ċentrali, b’votazzjoni sigrieta, wassal sabiex tiġi aċċettata l-offerta numru 3, liema offerenti s-Sinjuri Joshua Zammit u George Marlon Zammit daħlu fil-lokal nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Ġunju 2018.

L-Uffiċċju tas-Segretarjat
Illum it-Tnejn 4 ta’ Ġunju 2018