Leone Goes Pop (11-il edizzjoni)

13. 05. 2018
Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa
30. 04. 2018
Deċiżjoni: Sejħa għall-Offerti
04. 06. 2018

 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone, appoġjat minn Valletta 18 – il-Kapitali Ewropea tal-Kultura u l-Kunsill Lokali Belt Victoria, tippreżenta l-ħdax-il edizzjoni konsekuttiva tal-Leone Goes Pop. 

 


 

Lura fl-2008, il-Banda Ċittadina Leone ppruvat esperiment ambizzjuż li bħalu Għawdex kien għadu qatt m’esperjenza, meta nehdiet l-ewwel kunċert ta’ mużika pop minn banda f’Għawdex. Minn hemm ‘l quddiem, u bla waqfien, il-Banda Leone evolviet dan il-kunċert, sabiex sena wara l-oħra tellgħet kunċert ta’ livell f’diversi postijiet f’Għawdex u Malta, fosthom Pjazza t-Tokk u l-Ġonna ta’ Villa Rundle fil-Belt Victoria, il-Menqa ta’ Marsalforn u l-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta. Fl-aħħar għaxar kunċerti, ipparteċipaw uħud mill-aqwa kantanti lokali ta’ pajjiżna, fosthom Brooke, Chiara, Claudia Faniello, Gianluca u Ivan ta’ Wintermoods, fost l-oħrajn.

 

“…b’saħħitha u aqwa minn qatt qabel…”

 

F’din il-ħdax-il sena konsekuttiva, din il-produzzjoni, b’saħħitha u aqwa minn qatt qabel, se tittella’ nhar is-Sibt 9 ta’ Ġunju, fid-9PM, fil-qalba tal-gżira Għawdxija – Pjazza t-Tokk. Dan il-kunċert se jkun ippreżentat minn Daniel u Ylenia minn 89.7 Bay, riċentament imħabbar l-aktar stazzjon tar-radju segwit f’pajjiżna għall-għaxar sena konsekuttiva. 

 

Leone Goes Pop 6th ed. (2013)

Is-Soċjetà hija kommessa li tkompli tagħti esebizzjonijiet artistiċi b’xejn lill-pubbliku. Għal sen’oħra, dan il-kunċert se jkun bla ħlas, iżda riservazzjoni ta’ siġġijiet jistgħu jsiru fuq 99130694 jew inkella fuq info@leone.org.mt.

Matul dawn il-jiem, il-Banda Ċittadina Leone se tkun qed tipprepara għal dan il-kunċert. Aktar dettalji joħorġu fil-jiem t’antiċipazzjoni għal dan il-kunċert importanti fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna. Tista’ issegwi f’aktar dettal fuq is-siti soċjali tas-Soċjetà Filarmonika Leone.