Bosta tesserati, partitarji u parruċċani, bi ħġarhom, laqgħu l-istedina tas-Soċjetà u l-Parroċċa sabiex ikunu parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-29 t’April. Il-Ħadd filgħodu, il-Katidral laqa’ mijiet ta’ parruċċani li rrikorrew f’riġlejn l-istatwa artistika u devota ta’ Santa Marija sabiex ifakkru l-ġrajja għażiża tad-29 t’April 1956 u jerġgħu jgħixu l-mument meta ssawret ħolqa tad-deheb bejn l-ewwel Soċjetà mużikali f’Għawdex u l-Parroċċa tal-Katidral, il-Matriċi u l-Omm tal-Parroċċi f’Għawdex.
Il-Konċelebrazzjoni Solenni kienet immexxija mill-Arċipriet Mons Joseph Sultana, bil-parteċipazzjoni tal-Presbiterju Parrokjali. Din iċ-ċelebrazzjoni kienet animata mill-Banda Ċittadina Leone u l-Aurora Youth Choir. L-Arċipriet Sultana, fl-omelija tiegħu, fakkar il-ħidma ta’ missirijietna fis-Soċjetà Filarmonika Leone sabiex bi sforz, u anke tbatija, wettqu l-ħolma tagħhom u wasslu lill-istatwa għażiża ta’ Santa Marija fil-Katidral, fejn minn hemm, għall-62 sena sħaħ, baqgħet tiġbed lill-bosta fi ħdanha.
Il-Katidral, fil-ġrajja tal-1956, laqa’ ix-xbieha għażiża ta’ Santa Marija, u waqt li stagħna biha bħala l-isbaħ ġojjell tiegħu, ħadet il-ħajja il-komunita parrokkjali tal-Katidral. Għalhekk dan huwa jum li jibqa’ mfakkar minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom din il-komunita’ parrokkjali waqt li jħarsu ‘il quddiem b’fiduċja biex uliedna u wlied uliedna jibqgħu midmumin ma’ din il-ġrajja.
Il-parteċipazzjoni ta’ bosta parruċċani u membri attivi fis-Soċjetà kienet milqugħha minn dawk kollha preżenti. B’mod speċjali, il-konċelebrazzjoni solenni ntemmet b’diversi tfal li poġġew il-fjuri u x-xemgħat tagħhom f’riġlejn ix-xbieha għażiża ta’ Santa Marija, flimkien mal-President u s-Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Leone li wasslu wkoll żewġ bukketti.
Wara din il-konċelebazzjoni, saret Ikla tal-Festa fil-Każin tal-Banda Leone, organizzata mill-għaqda Żgħażagħ Iljuni. F’ambjent festiv, inkluż b’mużika meħudha mill-Musical 1956 u marċijiet brijużi, bosta komplew jiċċelebraw din il-festa għażiża flimkien.
Minn hawn nibdew triqitna lejn il-Festa għażiża ta’ Santa Marija – il-Patruna Speċjali tal-Gżejjer Maltin. Tul il-jiem tax-xahar ta’ Mejju, diversi membri tal-Kumitat se jkunu qed iduru t-toroq tal-Belt Victoria sabiex mill-ġenerożija tal-partitarji, issir il-Ġabra tal-Festa. Kull min jixtieq, jista joffri d-donazzjoni tiegħu direttament lis-Segretarju tas-Soċjetà (99130694, info@leone.org.mt). Kull donazzjoni tkun akkumpanjata ma’ rċevuta u rigal żgħir t’apprezzament. Barra minn hekk, inħeġġukom sabiex tkunu parteċipi tul l-Erbgħat kollha.
Post kull Iljun huwa ħdejn Santa Marija fil-Maqdes tagħha.
Ritratti mill-Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Giacomo Grech.