Fil-Katidral: jintramaw il-vari tal-Passjoni

PRO
31. 03. 2025
Jibdew il-kunċerti, issa għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa
25. 03. 2025
L-Aurora Folk Group għall-festival Homoljski Motivi fis-Serbja
01. 04. 2025

Tissokta l-mixja lejn il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira

F’ħidma kkordinata mis-sagristana u l-voluntiera tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Katidral ta’ Għawdex, illum il-31 ta’ Marzu, fil-Katidral ġew armati l-vari devozzjonali – uħud minnhom storiċi – tal-Ġimgħa l-Kbira fil-korsija. Uħud minn dawn il-vari, imorru lura għas-seklu sbatax u skont tradizzjoni antika, kienu maħduma minn priġunier Sqalli b’radd il-ħajr lill-Matriċi ta’ Għawdex talli tatu kenn fi proprjetà tagħha fiċ-Ċittadella ta’ Għawdex.

Is-sett tal-vari tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Katidral ta’ Għawdex huwa bbażat fuq il-misteri tat-tbatija. L-ewwel vara hija ta’ Ġesú fl-Ort tal-Ġetsemani. L-istatwa ta’ Kristu hija mis-sett l-oriġinali, imlibbsa d-drapp. Preżentament hija akkumpanjata minn anġlu wieħed li jżomm kalċi u xbiha tas-salib imqaddes, xogħol Aaron Camilleri Cauchi. Din tiġi armata fil-kappella ta’ Sant’Ursola. It-tieni u t-tielet vari – meqjusa fost l-isbaħ – huma wkoll mis-sett l-oriġinali. Huma Kristu Marbut mal-Kolonna u Kristu inkurunat bix-xewk, imlibbes il-mantar, imsejjaħ il-porpra. Dawn jiġu armati ħdejn il-bieb ta’ barra, quddiem il-fonti tal-magħmudija u l-fonti tal-oniċe, iħarsu lejn l-artal maġġur. Ir-raba’ vara, ċertament l-aktar waħda devozzjonali, hija dik tar-Redentur, jew Kristu mgħobbi s-Salib. Imlibbsa wkoll id-drapp, din tinżamm fin-niċċa tagħha matul is-sena fil-kappella ta’ San Franġisk ta’ Paola, u mbagħad tinħareġ fil-korsija għal dawn il-festi fil-kappella ta’ San Filippu Neri fejn in-niċċa ta’ Santa Marija. Il-ħames vara hija tal-Kruċifissjoni, magħrufa fi lsienna bħala l-vara l-kbira. Din iġġib lil Kristu msallab, b’Marija Verġni u Ġwanni l-Evanġelista quddiemu, Marija ta’ Magdala għarkuptejha f’riġlejn is-salib u Lonġinu bil-lanza merfugħa. Matul is-sena, Ġesú Kurċifiss jinżamm fis-sagristija tal-Katidral waqt li l-figuri l-oħra, imlibbsa d-drapp jinġabru. F’dawn il-ġranet, il-vara l-kbira tinħareġ fin-nava tat-tramuntana, fejn jintrama l-mant ta’ Santa Marija fil-festa. Imbagħad, lil hinn minn dawn il-ħames misteri tat-tbatija, is-sett tal-vari tal-Katidral iġib il-vara tat-trasport ta’ Kristu Mejjet lejn il-qabar ġdid – vara mill-isbaħ li turi lil Nikodemu, Ġużeppi t’Arimatija u Ġwanni l-Evanġelista jerfgħu fuq liżar abjad il-ġisem ta’ Kristu Mejjet. Din tintrama fil-kappella ta’ San Ġużepp. Din il-vara, bħall-vara l-kbira, hija xogħol ta’ Wistin Camilleri. Is-sett tal-vari, fl-aħħar nett, jiġi komplut bil-vara ta’ Marija Addolorata, bilqiegħda fuq blata taħt riġlejn is-salib, xogħol Michael Camilleri Cauchi. Matul is-sena, din tinsab meqjuma fl-annex tal-Katidral u għal dawn il-jiem tinħareġ fin-nava tal-bieb tas-sagristija.

Il-vari, ikkumplimentati minn sett ġdid ta’ brazzi u globi, jintramaw fuq bradelli u bankuni li saru kollha ġodda f’dawn l-aħħar snin, u mogħtija b’donazzjoni lill-parroċċa tal-Katidral minn benefattur. Il-ħidma biex inħarġu fil-korsija saret minn bosta voluntiera, inklużi ħbieb u voluntiera tas-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Għaqda Armar Santa Marija. Kienet okkażjoni f’waqtha, li grazzi għall-btala pubblika tal-31 ta’ Marzu, ġabret il-voluntiera fil-Katidral fit-8am u sa ftit wara ħin l-ikel kien hemm kollox armat, mimsuh u mnaddaf.

Dawn issa joffru sfond mill-isbaħ għall-funzjonijiet u l-attivitajiet li ġejjin fil-Katidral, fosthom il-programm ta’ mużika meditattiva u riflessjonijiet mill-Banda Ċittadina Leone nhar it-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa, 15 t’April 2025.

Il-vari, imbagħad, jinħarġu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, din is-sena fil-jum proprju tagħha, fit-18 t’April fis-6pm, bis-sehem tal-Banda Ċittadina Leone.

http://www.facebook.com/share/1MLaGuoTnu/