Jum il-Mejtin Kollha

02. 11. 2017
67 sena mill-Proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunta
01. 11. 2017
Kunċert Annwali 2017
06. 11. 2017

F’Jum il-Mejtin Kollha, is-Soċjetà Filarmonika Leone ssellem il-memorja ta’ dawk li ħallewna.

Illum, il-Knisja Kattolika tfakkar il-ġurnata ddedikata għall-memorja ta’ dawk kollha li ħallew din id-dinja u qiegħdin igawdu l-ħajja ta’ dejjem. Infatti, sa minn kmieni filgħodu, instema’ id-daqq tal-qniepen tal-knejjes sabiex ifakkru dan il-jum. F’dan l-Għid tal-Erwieħ, il-knejjes madwar il-gżejjer, jikkonċelebraw quddiesa solenni. Fit-tradizzjoni Maltija, illum, u matul ix-xahar ta’ Novembru, bosta jżuru lill-għeżież tagħhom fid-diversi ċimiterji madwar il-gżejjer sabiex isellmuhom u jħallulhom fjuri u xemgħat.

 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone, f’dan il-Jum, tingħaqad ukoll mal-Knisja Kattolika fit-tislima lil dawk kollha li ħallewna, b’mod speċjali bandisti, onorarji, presidenti, membri tal-kumitat u partitarji, li tul is-snin li għaddew ingħaqdu għall-mistrieħ ma’ Ommna Santa Marija Assunta.

Illum, is-Soċjetà ssellem il-memorja ta’ dawk kollha li tul din is-sena ħallew din il-ħajja, fosthom il-Bandist Onorarju Angelo Sultana u l-Arċidjaknu Mons. Giovanni Bosco Gauci, flimkien ma’ bosta partitarji li, wara li kienu xhieda tal-imħabba lejn Santa Marija, issa qed igawdu lil din Ommhom u lil Binha. Tiftakar ukoll f’dawk li fl-erbgħin sena li għaddew ħadmu fit-Teatru tal-Opra Aurora sabiex illum, l-Opra fl-istess Teatru, qed tagħti ġieħ lill-Għawdex u lil pajjiżna, flimkien ma’ dawk li bl-għaraq ta’ ġbinhom u b’ħidmiethom bnew lit-Teatru.

Agħtihom O Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem!