Ġesú mgħobbi s-Salib f’pellegrinaġġ minn Sant’Wistin sal-Katidral
Ilbieraħ il-Ġimgħa, 4 t’April 2025 – il-ġimagħtejn qabel il-Ġimgħa l-Kbira, il-vara storika ta’ Ġesú mgħobbi s-Salib, magħrufa bħala r-Redentur, tal-Katidral ta’ Għawdex, kienet iċ-ċentru ta’ pellegrinaġġ penitenzjali organizzat mill-parroċċa.
L-attività bdiet b’quddiesa fis-6:30pm fil-Knisja ta’ Sant’Wistin, immexxija minn Mons. Arċipriet Joseph Sultana. Miegħu kkonċelebraw il-viċi-parroki flimkien mal-komunità tal-Patrijiet Agostinjani. Wara l-quddiesa mbagħad, beda l-pellegrinaġġ bil-meditazzjoni tat-Triq tas-Salib – il-Via Sagra.
Għal din l-okkażjoni, iżżanżan ilbies ġdid għall-vara ta’ Ġesú Redentur. Dan l-ilbies, bil-bellus ikħal u aħmar, isegwi l-iskema tal-kuluri li dejjem kellu. Sar fuq gwida artistika ta’ Michael u Adonai Camilleri Cauchi u nħat mill-voluntiera tal-parroċċa – Marlene Portelli, Maria Cardona, Angela Grech Magro u Emily Spiteri b’donazzjoni ta’ familja mill-parroċċa.
Sadanittant, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Katidral ta’ Għawdex, din is-sena qed tkompli tiżżejjen bil-fjuretti tal-ganutell għal mal-vari, li jintramaw qalb il-brazzi, kif ukoll sett forċini tal-injam u l-bronż, fuq disinn ta’ Manwel Grech, u rregalati b’donazzjoni lill-parroċċa minn benefattur distint. Dawn ikomplu mal-proġett ambizzjuż tal-bradelli u l-bankuni tas-7 vari ta’ din il-purċissjoni.
Il-pellegrinaġġ tal-bieraħ telaq minn Pjazza Sant’Wistin lejn Triq il-Librerija, niżel Triq Santa Marija – il-mandraġġ, u ħareġ lejn Pjazza Savina. Minn hemm, tela’ t-Telgħa tal-Belt lejn il-Katidral fejn l-azzjonali liturġika ntemmet bil-Barka Ewkaristika.
Il-pellegrinaġġ tar-Redentur huwa l-frott ta’ tradizzjoni qadima li kull nhar ta’ Ġimgħa fi żmien ir-Randan kienet tara meditazzjoni dwar misteru tat-tbatija, u purċissjoni bi xbieha li tirraffigura dak il-misteru. Eventwalment, din it-tradizzjoni żviluppat biex il-ħames misteru – Ġesú mislub fuq is-salib bdiet issir fil-Ġimgħa l-Kbira proprja, il-Ġimgħa ta’ qabilha bdiet issir il-meditazzjoni fuq Marija Addolorata – u hekk ġiet li d-Duluri nfakkruha ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, u l-Ġimgħa ta’ qabel id-Duluri jiġi r-raba’ misteru tat-tbatija – allura Ġesú mgħobbi s-Salib, jew Ġesú Redentur.
F’dawn l-aħħar snin, il-parroċċa tal-Katidral organizzat dan il-pellegrinaġġ minn postijiet differenti. Ġieli telaq minn Triq Qasam San Ġorġ fejn kien hemm il-librerija parrokkjali. Ġieli telaq minn Triq Palma mingħand is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesú. F’dawn l-aħħar sentejn telaq mingħand il-Patrijiet Agostinjani.
Issa nhar il-Ġimgħa li ġejja, fir-Rabat ikun hawn il-quddiesa fis-6pm u l-purċissjoni djoċesana tad-Duluri minn San Ġakbu u l-Ġimgħa ta’ wara l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Katidral ta’ Għawdex fis-6pm.