Il-Kast għaż-Żewġ Opri fit-Teatru tal-Opra Aurora

06. 10. 2017
L-aħħar ċans biex issiefer mal-Għaqda Armar Santa Marija
24. 09. 2017
Leone Band in Concert 2017
24. 10. 2017

It-Teatru tal-Opra Aurora se jkun qed jiċċelebra l-40 sena ta’ Opra f’Għawdex nhar is-Sibt 14 t’Ottubru 2017 bil-produzzjonijiet ‘Cavalleria Rusticana’ (1890) ta’ Pietro Mascagni u ‘I Pagliacci’ (1892) ta’ Ruggero Leoncavallo.

L-Aurora, li welled l-opra f’Għawdex fl-1977 – settur artistiku li qed igawdi popolarità partikolari fil-Gżejjer Maltin – se jkun qed jipproduċi ż-żewġ opri għall-ewwel darba f’dik li hija l-akbar sala ta-opri fil-gżejjer Maltin. Illum, it-Teatru tal-Opra Aurora qed iħabbar il-kast għaż-żewġ opri li se jkunu ppreżentati f’serata waħda.

Alberto Mastromarino

 

Giancarlo Monsalve

Il-Cavalleria se tkun qed tiftaħ il-lejl b’Alberto Mastromarino bħala Alfio u l-istilla tal-opra Ċilena u l-Ambaxxatur Kulturali għall-Patrimonju Dinji tal-UNESCO Giancarlo Monsalve fl-irwol ta’ Turiddu. Mastromarino għadu kemm kellu suċċess kbir fil-produzzjoni ‘Madama Butterfly’ mill-Gaulitana ġewwa t-Teatru tal-Opra Aurora. Monsalve se jagħmel id-debutt tiegħu f’Għawdex biex iżid lill-Aurora ma’ uħud mill-akbar teatri wara ismu, fosthom ir-Royal Opera House ta’ Covent Garden, l-Arena di Verona, in-National Opera ta’ Washington u bosta teatri tal-opra rinomati fl-America t’Isfel, fl-Ewropa u fl-Asja. Joanna Parisi se tkun qed tmexxi l-kast femminili bħala Santuzza, flimkien mal-Maltin Christine Dalli – Lola u Graziella Debattista – Mamma Lucia.

Joanna Parisi

 

Cliff Zammit Stevens

Il-Pagliacci se tkun qed issegwi, b’Mastromarino u Monsalve jkunu l-uniċi żewġ membri tal-kast komuni bejn iż-żewġ opri, fejn se jkunu qed jinterpretaw lil Tonio u Canio rispettivament. Marzio Giossiissa isem magħruf fit-Teatru tal-Opra Aurora, se jkun qed jirritorna bħala Silvio. Hemm imbagħad stennija kbira fost l-udjenzi fl-Aurora għall-Malti Cliff Zammit Stevens li se jkun qed jiddebutta fl-Aurora bħala Peppe waqt li l-unika mara fil-kast ta’ Pagliacci se tkun is-sopran magħrufa Elena Kelessidi.

Marzio Giossi

 

Elena Kelessidi

Il-Cavalleria u l-Pagliacci, għalkemm mhux relatati, ġew imfassla lejn tmiem is-seklu dsatax u jitkellmu dwar il ħajja taċ-ċittadin komuni u temi folkloristiċi ambjentati fin-nofsinhar tal-Italja u Sqallija. Dawn huma żewġ opri li kienu rivoluzzjonarji fis-suġġett trattat u fl-istil mużikali użat. Għat-Teatru tal-Opra Aurora, dawn iż-żewġ opri ukoll se jkunu qed iġibu xi ħaġa ġdida. Infatti, it-Teatru qabbad lil Gianmaria Romagnoli għall-ewwel darba bħala direttur artistiku, bir-responsabbiltà tad-disinni tas-sett u dwal. Dan ġab fi tmiem amikevoli l-istorja ta’ erbgħin sena kollaborazzjoni artistika bejn l-opra fl-Aurora u l-familja Tabili, permezz ta’ Flavia (l-ewwel sopra fl-1977) u Novella (id-direttur artistiku sal-2016).  Romagnoli jwiegħed tiġdid f’dawn iż-żewġ opri, b’attenzjoni speċifika fuq d-dettalji li jagħmlu l-libretti tagħhom kapulavuri letterarji.

Gianmaria Romagnoli – Direttur Artistiku

Flimkien ma’ biljetti ta’ € 45, € 60, € 70 u € 80, it-Teatru tal-Opra Aurora qiegħda għall-ewwel darba titlob lill-udjenza sabiex jordnaw il-kumplimenti tagħhom mill-kumdità ta’ djarhom, bħas-servizz ta’ trasport shuttle, jew ta’ taxi minn u lejn it-teatru, ordni tal-programm ta’ tifkira mħallas minn qabel, aċċess għall-vin d’honneur esklussiv u aċċess ta’ prijorità għal-lift. Dan kollu, flimkien mal-prenotazzjoni tas-siġġijiet, jistgħu jsiru onlajn fuq www.teatruaurora.com. Assistenza għal dan jista’ jinkiseb fuq 79045779.

L-Opra fl-Aurora qed tiġi prodotta bħala parti mill-Gozo Cultural Support Programme bejn il-Ministeru għall-Għawdex u l-Kunsill tal-Arti.