Nhar l-1 ta’ Novembru 1950, il-Papa Piju XII ipproklama, bħala Domma tal-Fidi, it-twemmin li Ommna Verġni Marija ttellgħet is-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Dan sar wara li dan it-twemmin kien diġa stabbilit fil-Knisja Universali għal diversi sekli. Il-Papa Piju XII ħa din id-deċiżjoni wara riflessjoni spiritwali u wara l-parir tal-esperti. Il-proċess inbeda bl-enċiklika lill-isqfijiet Deiparae Virginis Mariae, datata l-1 ta’ Mejju 1946, fejn huwa staqsa jekk għandhiex tiġi stabbilita definizzjoni tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija bir-ruħ u bil-ġisem.
Permezz ta’ din id-Domma tal-Fidi, ġie ikkonfermat b’mod solenni dak li kien ilu aċċettat b’fidi sħa mill-fidili kollha fil-Knisja dinjija. Fid-dokument Munificentissinus Deus, il-Papa Piju XII sostna li:
“Bis-setgħa tal-Mulej Ġesu Kristu, tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu, u bl-awtorità tagħna, aħna nxandru, niddikjaraw u niddefinixxu bħala domma rrivelata minn Alla: li l-Immakulata Omm Alla Marija dejjem Verġni, meta temmet il-mixja ta’ ħajitha fuq l-art, ittieħdet bil-ġisem u r-ruħ fil-glorja tas-sema.”
Lura 67 sena ilu, il-Banda Ċittadina Leone ngħaqdet mal-ferħ tal-Knisja Kattolika dinjija u mal-ferħ tal-Maltin kollha. Lejliet, l-istatwa ta’ Santa Marija kienet esposta fil-Banca Giuratale fi Pjazza Indipendenza. Imbaghad, sabiex tiġi ċċelebrata din il-proklamazzjoni, l-Għawdxin ingħaqdu f’korteo bl-istatwa ta’ Santa Marija u bix-xemgħat sa Pjazza Indipendenza, wara akkademja fl-Oratorju Don Bosco fir-Rabat Għawdex. Hemmhekk, jumejn wara, il-Banda Ċittadina Leone ħejjiet programm mużikali għall-okkażjoni ta’ din il-proklamazzjoni.
Dan l-istess programm mużikali baqa jiġi organizzat mill-Banda Ċittadina Leone bħala tifkira ta’ din il-proklamazzjoni t’importanza għall-istess Banda. Infatti, din is-sena, dan il-Kunċert Annwali se jiġi mtella’ nhar is-Sibt 4 ta’ Novembru 2017, fit-8pm, ġewwa t-Teatru tal-Opra Aurora.