April, bit-tifkira tad-donazzjoni tal-istatwa ta’ Santa Marija

PRO
07. 04. 2025
Ilbieraħ: il-Pellegrinaġġ Penitenzjali tar-Redentur
05. 04. 2025
Illum, it-tifkira ta’ Marija Addolorata
11. 04. 2025

It-Tifkira tad-29 t’April, b’quddiesa, marċ u ikla l-Ħadd ta’ qabel

Għas-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Parroċċa tal-Katidral, April għandu isem li jqanqal, bħalma jqanqal Awwissu għax ismu jfisser festa. April iġib miegħu d-data wisq maħbuba u qatt minsija tad-29 – id-29 t’April 1956, meta l-istatwa ta’ Santa Marija, darba proprjetà tas-Soċjetà Filarmonika Leone ġiet mogħtija b’rigal lill-Katidral ta’ Għawdex u hemmhekk seħħet żvolta kbira, kemm għas-Soċjetà, kemm għall-parroċċa u fuq kollox għall-festa ta’ Santa Marija f’Għawdex.

Meta wieħed iqis kif kien l-ambjent soċjali fir-Rabat Għawdex u kif kienet il-festa ta’ Santa Marija qabel il-ġrajja tad-29 t’April 1956, ma jkunx tiġbid meta wieħed jgħid li m’hemmx 15 t’Awwissu kif nafuh illum mingħajr id-29 t’April 1956. U huwa proprju għalhekk li din id-data tibqa’ data għażiża għall-parruċċani tal-Katidral u l-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Leone li jorganizzaw b’daqstant fervur il-festi ta’ Santa Marija – Santa Marija t’Għawdex.

Id-data tad-29 t’April ta’ kull sena tibqa’ tfakkira ta’ kemm iż-żewġ istituzzjonijiet – Soċjetà u Parroċċa, jew fi kliemna, każin u knisja, għalkemm distinti, dejjem gawdew u stagħnew meta ħadmu flimkien, meta wieżnu lil xulxin u meta ngħataw għal xulxin. Għal din ir-raġuni, din il-ġrajja tibqa’ tiġi mmarkata ta’ kull sena. Hekk ukoll din is-sena, fl-2025.

Din is-sena, il-programm jaqra hekk:

Il-Ħadd 27 t’April 2025
10:00am – Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr minn Mons. Arċipriet bis-sehem tal-Banda Ċittadina Leone
10:45am – Marċ mill-Banda Ċittadina Leone mill-Katidral ta’ Għawdex sal-Każin tal-Banda
12:00pm – L-Ikla tal-Festa tad-29 t’April fil-Każin tal-Banda Leone.

Din l-ikla, bi tliet platti, qed tiġi kkordinata minn Żgħażagħ Iljuni, bis-servizz tal-Blue Lion Gastro Bar. Il-biljetti – €28 għall-kbar, €15 għat-tfal, u €25 għas-Soċji tesserati – jinkisbu mingħand Tereża Grima 79551419, Marcella Cordina 79800684, Jake Sacco 79251390 jew Daniel Borg 79241515.

It-Tnejn 28 t’April 2025
5:30pm – Kunċert mill-Alljievi tal-Banda Ċittadina Leone fis-Sala tal-Kunċerti 29 t’April 1956

It-Tlieta 29 t’April 2025
6:30pm – Quddiesa ta’ Tifkira fil-Katidral ta’ Għawdex

Is-Sibt 3 ta’ Mejju 2025
L-opra Nabucco ta’ Giuseppe Verdi; produzzjoni tal-festival Gaulitana

L-Erbgħa 7 ta’ Mejju 2025
L-Ewwel mill-ħmistax-il Erbgħa ta’ Santa Marija