29 ta’ April 1956 – 65 sena wara

28. 04. 2021
ed
Żjara tal-E.T. Mons. Isqof lis-Soċjetà Leone
11. 01. 2021
Ħriġna bl-Unuri
24. 09. 2021

 

 

Merħba Madonna sabiħa

Idħol fil-Katedra tiegħek

Fil-Knisja Ewlenija

Fejn aħna nkunu miegħek.

 

Minn dan it-tempju fil-għoli

Sultan tal-gżira Għawdxija

Xerred il-barka tiegħek

F’dal-jum ta’ ferħ Marija.

 

Merħba Sinjura sbejħa

Idħol f’dat-Tempju tagħna

Xerred il-barka tiegħek

Minn hawn fuq Għawdex tagħna.”

 

Il-kliem mirqum u ħiereġ mill-qalb tal-poeta tal-Assunta u ex-president tas-Soċjetà Filarmonika Leone, il-mibki Ġanninu Cremona, inissel fina sentimenti emozzjonali u għal min bħali ma għex, ma kienx preżenti għal din il-ġrajja nobbli, jaqra f’dawn il-vrus u jimmaġina il-ferħ, l-orgolju u l-imħabba tal-partitarji tal-Ljun.

 

Din il-ġrajja ta’ 65 sena ilu, minn meta s-Soċjetà Filarmonika Leone irregalat b’imħabba u b’għożża l-istatwa artistika u devota ta’ Santa Marija lill-Katidral ta’ Għawdex, tat nifs ġdid lill-knisja ewelnija tal-gżira u tad-djoċesi.  Dan ifisser li permezz ta’ din il-vara devota u maestuża, is-Soċjetà Filarmonika Leone serviet ta’ pulmun u qalb għall-Knisja Katidrali biex din setgħet tieħu n-nifs u takkwista ħajja ġdida.   Bla dubju ta’ xejn,  is-Soċjetà Filarmonika Leone kienet strumentali biex il-kors tal-istorja tal-Katidral ta’ Għawdex inbidel u minn mużew il-Katidral sar bejta Marjana.  Aktar minn qatt qabel in-nies bdew iħarsu lejn il-Katidral bħala l-knisja parrokkjali tagħhom.

 

L-istorja tad-29 ta’ April 1956 hija mnaqqxa b’ittri tad-deheb fi qlubna u fil-menti tagħna u għandna nħossu d-dmir u l-obbligu li din il-ġrajja glorjuża ntennuha lil uliedna u lil ulied uliedna.  Infakkru l-qlubija ta’ missirijietna li ħadmu,  stinkaw u batew sabiex din il-ġrajja sseħħ, infakkru b’liema għożża din il-ġrajja tiġi ċelebrata minn sena għall-oħra, infakkru li t-Teatru Aurora u l-Katidral ta’ Għawdex huma d-djar naturali tagħna u huwa d-dmir tagħna bħala nsara li nkattru d-devozzjoni u l-imħabba lejn Ommna Santa Marija.

 

Il-ġrajja li seħħet ħamsa u sittin sena ilu kellha impatt qawwi fuq l-ambjent soċjokulturali u reliġjuż ta’ pajjiżna.  Mal-għoti tal-vara seħħ qawmien spiritwali fi ħdan il-Komunità Parrokkjali tal-Katidral.  Is-Soċjetà Filarmonika Leone ngħatat l-privileġġ singulari li torganizza il-festi relatati mal-purċissjonijiet li ta’ kull sena joħorġu mill-Katidral tagħna.

 

Ħamsa u Sittin wara ninsabu għaddejjin minn żmien diffiċli, żmien ta’ qtigħ ta’ qalb, żmien fejn il-futur qegħdin narawh imċajpar, qed nesperjenzaw il-pandemija tal-COVID-19 li issa ilna magħna aktar minn sena. Tlifna wħud minn uliedna kawża ta’ din il-pandemija mingħajr ma stajna nagħtuhom l-aħħar tislima li kienu jimmeritaw, kellna neżiljaw ruħna minn xulxin u nikkomunikaw b’mod virtwali, twaqqfu l-attivitajiet soċjali, il-festi ad unur Santa Marija tal-2020 ġew ċelebrati b’mod l-aktar ridott, il-vara ta’ Santa Marija tfaċċat biss sal-bieb tal-Katidral tant li ċċaħħadna milli narawha ddur mat-toroq ta’ beltna sabiex tbierek id-djar tagħna.  Din is-sena ser infakkru d-29 ta’ April permezz ta’ xandiriet b’kommemorazzjoni tal-ġrajja tad-donazzjoni fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863.  Però, ejjew ma nkunux ġwejjef u ma nkunux nies ta’ fidi żgħira.  Santa Marija għalina ma għandhiex tfissirx biss il-15 ta’ Awwissu jew id-29 ta’ April, Santa Marija għalina tfisser kull jum tas-sena għaliex Santa Marija  għandha tkun dejjem f’qalbna, f’moħħna u fuq fommna.  Din l-Omm tagħna tas-sema xxerred fuqna grazzji kbar.  Ejjew nitolbuha ħalli bħalma interveniet Hi fit-tieni gwerra permezz tal-wasla tal-konvoj f’jum l-Assunta u salva l-poplu milli jmut bil-ġuħ, tintervjeni Hi wkoll għalina, tkun Hi t-tarka tagħna, id-dawl li jdawwlilna l-lejl, waqt li ninsabu għaddejjin minn dan il-flaġell globali u nitolbuha bil-fidi u bl-imħabba sabiex jitwaqqaf it-tixrid ta’ din il-marda kiefra u qerrieda.

 

Il-ġrajja tad-29 ta’ April 1956 hija simbolu ta’ għaqda dejjiema bejn is-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Parroċċa tal-Katidral.  Għalina, s-Soċjetà u l-Parroċċa huma parti sostanzjali minn ħajjitna.  Ejjew ngħożżu dak li missierijietna ħallewlna b’wirt, ejjew insostnu l-għaqda ta’ bejnietna u dak li għamlu ta’ qabilna għandu jitkompla minn ta’ llum u minn dawk li għad irid jiġu warajna.  Ejjew inżommu dejjem fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, tal-familji tagħna u tas-Soċjetà u l-kommunità tagħna lil din l-Omm ħanina tagħna tas-sema, Santa Marija.

 

Lejk inħarsu meta jidlam,

Għelm ta’ tama, għelm ta’ sliem

Għaliex inti omm ħanina,

Ta’ ħajjitna bidu u tmiem.

 

Viva Santa Marija.

 

29 ta’ April 2021