“Ħarġet Santa Marija!” Hekk kienet il-kelma fuq fomm bosta wara li lbieraħ, il-Ħadd 24 t’April, l-istatwa ta’ Santa Marija meqjuma fil-Katidral ta’ Għawdex inħarġet min-niċċa bil-funzjoni popolari tas-soltu li ilha nieqsa sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Okkażjonijiet speċjali u anniversarji storiċi
Mhix l-ewwel darba li qrib id-data tad-29 t’April, l-istatwa ta’ Santa Marija nħarġet min-niċċa, iżda huwa rari li f’dan iż-żmien tas-sena toħroġ bid-daqq tal-banda u l-pompa li normalment huma assoċjati ma’ Awwissu. L-aħħar li sar hekk f’April kien fil-festi tal-2013 meta s-Soċjetà Filarmonika Leone fakkret il-160 sena mit-twaqqif tagħha.
Din is-sena, 2022, qegħdin infakkru l-125 sena minn meta s-Soċjetà Filarmonika Leone xtrat u ġabet f’Għawdex l-istatwa ta’ Santa Marija minn Ruma, maħduma għand id-ditta Francesco Rosa. L-istatwa ta’ Santa Marija kienet waslet f’Għawdex fl-aħħar jiem ta’ Lulju tal-1897. Għalhekk, is-sena 2022 hija kollha kemm hi sena ta’ tifkira speċjali.
Għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li dawn il-festi speċjali tal-125 sena tal-vara jinfetħu issa f’April, qrib id-data tad-29, meta dakinhar infakkru anniversarju ieħor għażiż – dak ta’ meta s-Soċjetà Filarmonika Leone rregalat din l-istess statwa lill-Katidral ta’ Għawdex.
Il-Banda terġa’ tinżel fit-toroq
Għalhekk, għal din l-okkażjoni, wara l-purċissjoni f’Ħadd il-Palm, u d-dimostrazzjoni tal-Irxoxt f’Ħadd il-Għid, dan kien it-tielet Ħadd li fih il-Banda Ċittadina Leone niżlet fit-toroq għal servizz ta’ marċi. Fl-10:30am, il-banda bdiet bl-innu Il Leone minn quddiem il-każin l-antik fi Triq l-Arċipriet Saver Cassar, ħarġet u daret ma’ Pjazza Indipendenza (it-Tokk) u telgħet ’il fuq lejn iċ-Ċittadella ta’ Għawdex. Ftit wara l-11am, il-banda daħlet fil-Katidral u sabet postha fil-kappellun laterali tar-Rużarju biex mal-ewwel battuti tal-innu marċ Lil Santa Marija Assunta ta’ Vincenzo Ciappara, il-bieba tan-niċċa nfetħet u minn hemm xirfet l-istatwa tant devota u maħbuba ta’ Santa Marija tielgħa s-sema.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħruġ min-niċċa hija ċelebrazzjoni li fi ħruġ Lulju u dħul Awwissu, qrib il-bidu tal-kwindiċina, tiġbed ħafna nies, tnissel emozzjonijiet u tfisser ħafna għal bosta. Din iċ-ċelebrazzjoni kienet waħda minn dawk li għal sentejn sħaħ sfaw vittma tal-pandemija u għalhekk ir-ritorn ta’ din l-attività kienet milqugħa b’entużjażmu u sodisfazzjon minn bosta.
Waqt li l-Banda Ċittadina Leone taħt id-direzzjoni ta’ Colin Attard daqqet il-marċi, Mons. Arċipriet mexxa l-miġemgħa fit-talb, fost affarijiet oħra b’tislima u talba għal ruħ l-eks Viċi-President Edward Grech, li f’żgħożitu kien wieħed mill-membri tal-kumitat li wassal biex l-istatwa ta’ Santa Marija ġiet aċċettata mill-Isqof Pace biex issib postha għall-qima tal-pubbliku fil-Katidral, u magħha, il-Banda Leone. Minn dawk il-membri tal-kumitat, Edward Grech kien l-aħħar wieħed.
F’din l-okkażjoni wkoll, Matthew Sultana niseġ poeżija tal-okkażjoni, kif soltu jsir fl-istess ċelebrazzjoni f’Awwissu. F’din l-okkażjoni, il-poeżija kien jisimha: “Imbierka inti fost in-nisa” meħuda mit-tislima ta’ Santa Eliżabetta lill-Madonna mal-wasla tagħha f’Ħebron.
Bil-lest għad-29 t’April
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni Marjana, il-vara ta’ Santa Marija tqiegħdet f’ras il-korsija tal-Katidral, fejn tqiegħdet f’dawn l-aħħar sentejn, ’l isfel mit-tarġa tal-presbiterju. Dan sabiex issa jiddendel il-pavaljun ċelesti li minħabba l-ħsarat li kellu, kellu jinħat mill-ġdid fuq l-istess disinn, jitbierek nhar il-Ġimgħa u Santa Marija titqiegħed taħtu biex hemm tibqa’ sal-ewwel Erbgħa ta’ Mejju li jkun l-Ewwel Erbgħa ta’ Santa Marija.
Filfatt, il-programm fil-Katidral għal nhar il-Ġimgħa, 29 t’April, li jaħbat eżatt għeluq is-66 sena minn meta Santa Marija ddaħlet għall-ewwel darba fil-Katidral, jinkludi Konċelebrazzjoni Pontifikali minn Mons. Isqof Anton Teuma bis-sehem tal-W.R. Kapitlu Katidrali u Kleru, animata mill-Banda Ċittadina Leone u l-Aurora Youth Choir. Mons. Isqof jinseġ l-omelija tal-okkażjoni u fi tmiem il-quddiesa jbierek il-pavaljun il-ġdid ta’ Santa Marija.
Taħt dan il-pavaljun il-ġdid, Santa Marija tibqa’ għall-qima tal-pubbliku sal-Erbgħa 4 ta’ Mejju meta niftħu l-ħmistax-il Erbgħa ta’ Santa Marija b’pontifikal solenni ieħor, din id-darba mill-Isqof Emeritu ta’ Tirana (Albanija) Mons. George Frendo, fis-6:30pm.
Wara l-quddiesa, fis-sala tal-Espożizzjonijiet u l-Konferenzi fil-Każin tal-Banda Leone tinfetaħ wirja dwar il-Festa Maltija b’għadd ta’ elementi u esebiti mill-festa ta’ Santa Marija. Din tibqa’ miftuħa sal-Ħadd f’12pm. Aktar dettalji fil-ġranet li ġejjin.