Mużika Sagra u Funebri fit-tmiem il-ġimgħa li għadda

Iħallina l-Viċi-President Edward Grech
07. 04. 2022
Ħarġet Santa Marija!
24. 04. 2022
 
Fit-tmiem il-ġimgħa li għadda, il-Banda Ċittadina Leone kienet impenjata bi tliet servizzi, ilkoll importanti fil-kuntest speċjali u uniku tagħhom – tliet servizzi li fihom il-banda esegwiet mużika sagra u marċi funebri; il-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u l-korteo funebri tal-Viċi-President Edward Grech.
 
Mumenti emozzjonanti fil-programm ta’ mużika u riflessjonijiet: Exodus | il-Mixja
L-ewwel servizz kien il-programm ta’ mużika sagra u riflessjonijiet mill-Banda Ċittadina Leone fil-Katidral ta’ Għawdex. Dan sar nhar is-Sibt 9 t’April 2022, lejlet Ħadd il-Palm. Din is-sena, il-kunċert ingħata l-isem ta’ Exodus | il-Mixja u fih inqraw diversi riflessjonijiet filosofiċi miktuba mill-awtur Joseph W. Psaila. Is-serata, ippreżentata minn Christiana Farrugia, ħadet spunt mill-eżodu bibliku iżda ffukat il-ħsibijiet tagħha fuq eżodi ta’ żmienna. Il-kontribuzzjonijiet ta’ Joseph Psaila nfushom ġew introdotti b’siltiet qosra mit-tliet diskorsi li l-Papa Franġisku għamel reċentament f’Malta u Għawdex; waħda dwar il-baħar Mediterran u l-migrazzjoni fih – mid-diskors statali li l-Papa għamel fil-Palazz tal-President fil-Belt; oħra dwar il-kult reliġjuż u l-pjetà popolari tal-Insara – mid-diskors li l-Papa għamel f’Ta’ Pinu f’Għawdex; u oħra dwar l-eżodi tal-immigranti u l-gwerra fl-Ukraina – mid-diskors li l-Papa għamel fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, Malta.
 
Il-banda fetħet is-serata bit-tema mill-film Exodus ta’ Ernest Gold, u daqqet ukoll Blessed Are They ta’ Johannes Brahms, Arioso ta’ Johann Sebastian Bach u La Madruga ta’ Abel Moreno Gomez li servew ta’ sfond biex l-udjenza li mliet il-Katidral ta’ Għawdex, imżejjen għall-okkażjoni, setgħet tirrifletti fuq il-kunċett tal-mixja. F’din l-okkażjoni wkoll, il-Banda Ċittadina Leone żanżnet żewġ marċi funebri mill-pinna ta’ Colin Attard li dderieġa lill-banda fl-istess serata. Dawn kienu l-marċi “Fi Ħdan il-Feddej, Tislima lil Ġanninu Cremona” u “Lux Aeterna – In Memoriam Mons. Giovanni Bosco Gauci”; it-tnejn komposti fl-2020 b’tifkira ta’ dawn iż-żewġ pijunieri tas-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Kapitlu Katidrali rispettivament. 
 
Ħa sehem ukoll il-kor tat-tfal tas-Soċjetà Filarmonika Leone, l-Aurora Youth Choir, li wara l-ewwel daħla tiegħu bl-oġġetti personali u l-ġkieket tas-salvataġġ li ssettjaw it-ton u l-burdata tal-okkażjoni mill-ftuħ, ta’ interpretazzjoni tal-innu reliġjuż u patrijott Ukren “Prayer for Ukraine” ta’ Mykola Lysenko bil-lingwa oriġinali tiegħu. Il-lingwa, il-mużika, l-atmosfera kiebja bil-vari tal-Passjoni mixgħula u l-akwistika tal-post li minnha għamlu kapital il-vuċijiet tat-tfal bla akkumpanjament sawru mument kommoventi għall-aħħar, aktar u aktar fid-dawl tal-preżenza ta’ persuni Ukreni li ħarbu l-qilla tal-attakki fuq il-belt ta’ Kyiv. L-applaws fit-tul kien tassew meritat.
 
Is-serata, li saret bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, intemmet bl-innu La Croce ta’ Orlando Crescimanno.

 

 

 

Ir-Redentur u d-Duluri fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
L-għada l-Ħadd, il-Banda Leone reġgħet iltaqgħet għal servizz ieħor, din id-darba l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, ukoll mill-Katidral ta’ Għawdex. Din is-sena kien diġà mħabbar b’deċiżjoni tal-kulleġġ tal-Kappillani tad-Djoċesi ta’ Għawdex li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira kellhom jieħdu bixra aktar penitenzjali u devozzjonali mingħajr is-sehem tal-personaġġi bil-kostumi tal-epoka. Għal dan il-għan, il-purċissjoni tal-Katidral kienet prevista li tkun pellegrinaġġ bis-sett uniku ta’ vari storiċi, li l-oriġini preċiża tagħhom hija mitlufa fl-istorja, flimkien mal-aħħar tliet żidiet – il-Vara l-Kbira u l-Monument, xogħol Wistin Camilleri, u Marija Addolorata, xogħol ibnu Michael. 
 
Iżda l-elementi tat-temp, bir-riħ qawwi li kkaratterizza l-jum tal-Ħadd għamluha perikoluża għal dawn il-vari mlibbsa fuq l-istil Spanjol biex jinħarġu f’purċissjoni. Għaldaqstant, il-Parroċċa tal-Katidral flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Leone waslet għad-deċiżjoni li tirriduċi l-qies tal-purċissjoni imma mhux id-dinjità tagħha. Għalhekk, il-purċissjoni ħarġet bil-vari devoti ta’ Ġesù Redentur imgħobbi s-salib u d-Duluri. F’din l-okkażjoni, il-Banda Ċittadina Leone xorta akkumpanjat il-purċissjoni bir-rotta solita tagħha bid-daqq tal-marċi funebri, fosthom l-innu La Croce li ndaqq, u tkanta mill-kor tat-tfal, darbtejn bħas-soltu – fil-pjazza tal-Katidral u fil-ħruġ tagħha fi Triq ir-Repubblika.
 

 

 

 

Il-Funeral ta’ Edward Grech
Triq ir-Repubblika reġgħet rat lill-Banda Leone u semgħetha bil-marċi funebri tagħha l-għada t-Tnejn 11 t’April, meta akkumpanjajna l-korteo funebri tal-wisq maħbub Viċi-President Edward Grech. Dwardu rari kien ifalli servizzi tal-banda, u għalhekk kien sinjifikattiv ħafna li fl-aħħar vjaġġ tiegħu lejn il-Katidral tkun il-Banda Leone nnifisha li takkumpanjah. Il-fdalijiet tiegħu twasslu bil-karozzi mill-isptar ta’ Għawdex sa quddiem il-Każin tal-Banda Leone fejn ġie milqugħ bl-innu Il Leone. Minn hemm, il-korteo tela’ bil-pass lejn il-Katidral. Fost marċi oħra, il-Banda Leone daqqet anki l-innu immortali La Croce u spiċċat is-servizz tagħha b’tislima oħra bl-innu tal-banda Il Leone fil-pjazza tal-Katidral qabel ma l-fdalijiet tiegħu ddaħħlu fil-Katidral għall-Ewkaristija tal-funeral. Ħafna kienu dawk il-bandisti, bandisti veterani u partitarji li attendew għal din it-tislima lil ħuna Dwardu, li serva lis-Soċjetà tagħna fil-kumitat għal aktar minn 75 sena.
 
It-telfa tal-mibki Dwardu hija kbira għax kien għadu attiv u preżenti, anki jekk fl-età venerabbli ta’ 98 sena. Hija kbira għax kien bniedem tan-nies, maħbub u rispettat minn kulħadd. Fl-età tiegħu kien komdu jżomm djalogu u konverżazzjoni ma’ min hu tamparu u anki ma’ min hu tampar in-neputijiet tiegħu. Imma t-telfa ta’ Dwardu timmarka wkoll tmiem ta’ epoka – l-epoka ta’ dawk il-pijunieri li fil-kuntest storiku u soċjali tas-snin ħamsin fir-Rabat ta’ Għawdex irnexxielhom jilħqu ftehim mal-Isqof Ġużeppi Pace biex l-istatwa ta’ Santa Marija li kellha s-Soċjetà Filarmonika Leone ssib postha, bil-banda magħha, fil-Katidral ta’ Għawdex. Dwardu kien l-iżgħar fosthom dakinhar u sal-lum kien l-aħħar wieħed fosthom li għex b’memorja mill-aktar luċida biex jirrakkonta din il-ġrajja. Fi kliemu: “Kieku ma kienx id-29 t’April, m’hawnx il-15 t’Awwissu li hawn illum.”

 

 

 
Il-mewt u t-tislima ta’ Dwardu Grech issa jixprunawna għas-servizzi li jmiss, hekk kif wara l-Għid il-Kbir, is-Soċjetà Leone se tkun qed torbot il-ftuħ tal-festi tal-125 mill-wasla tal-istatwa ta’ Santa Marija minn Ruma (1897) mat-tifkira tal-anniversarju tad-29 t’April 1956.