Tul il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, il-Kumitat Ċentrali jingħaqad b’mod intrinsiku mal-attivitajiet tal-Parroċċa tal-Katidral. Fosthom, is-Soċjetà Filarmonika Leone tattendi bi ħġarha għall-funzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka, Ġimgħa l-Kbira u l-Vġili tal-Għid.
Fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, se jiġu organizzati s-7 Visti għaż-żgħażagħ fi knejjes madwar Għawdex. Din l-attività se tibda fid-9.00pm minn quddiem il-Każin tal-Banda Leone. It-trasport ikun provdut, fejn kull min jixtieq għandu jikkonferma l-attendenza tiegħu sal-Erbgħa billi jibgħat messaġġ fuq 99130694 jew email fuq info@leone.org.mt.
Apparti minn hekk, il-Banda Ċittadina Leone tipparteċipa fid-Dimostrazzjoni tal-Irxoxt madwar it-toroq tal-Belt Victoria, li tibda’ fl-10:30am mill-Pjazza tal-Katidral. Is-Soċjetà tħeġġeġ lill-partitarji kollha sabiex jingħaqdu f’ambjent parrokjali fil-funzjonijiet kollha u sabiex jingħaqdu magħha fid-Dimostrazzjoni ta’ nhar Ħadd il-Għid.
Nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu, is-Soċjetà tellgħet is-serata ta’ mużika u riflessjonijiet ‘Lignum Crucis’ fil-Katidral. Għall-benefiċċju ta’ min ma setgħax jattendi, hawn taħt għandkom issibu siltiet mir-riflessjonijiet miktuba minn Darren Vella.
Is-Salib huwa t-triq li minnha għadda Kristu biex rebaħ lill-mewt. Is-Salib huwa dak li rridu nerfgħu kuljum jekk irridu nimxu warajh.
“Meta nintrefa ‘l fuq mill-art, jien niġbed lill-bnedmin kollha lejja”. Dawk kienu kliem qawwija li Ġesu jgħid fl-evanġelju skont San Ġwann.
L-Għuda tas-Salib kellha tkun it-tron li minn fuqu, kull min ikun migdum, iħares lejh, ifiq u jgħix. Simbolu ta’ dak li għamel Mose permezz tas-serp tal-bronż.
minn biċċa njama li fuqha sseħħ il-mewt tal-bniedem, biċċa njama li fuqha jiġu ġġustizzjati l-kriminali, bi skandlu, b’ħażen u bi bluha, tinbidel fl-aktar xbiha qaddisa u importanti għalina.
Isir is-sinjal li jiddistingwina minn kull forma oħra. Fi kliem l-Appostlu Missierna San Pawl, ma jkun qatt li niftaħru jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesú Kristu
Infatti, bosta qaddisin għandhom rabta speċjali mas-salib tant li baqgħu jġorruh f’isimhom. Insemmu lil San Ġwann tas-Salib u Santa Tereża Benedetta tas-Salib.
Qaddisin oħrajn kellhom iħossu u jġorru l-mark indelebbli tal-Kurċifiss, bħal San Franġisk t’Assisi u San Piju ta’ Pietrelcina. Il-Qaddis Malti San Ġorġ Preca, tant kien iħares b’mod profond lejn il-Kurċifiss, li kien jisħaq li minnu, kull nisrani jista’ jitgħallem. Kien isejjaħlu “Il-Ktieb il-Kbir”.
Meta tħares lejn is-Salib, tħoss li ma hemmx imħabba akbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħaddieħor. Il-Ħajja rebħet fuq il-mewt proprju għaliex l-imħabba rebħet fuq it-tbatija.
Meta tħares lejn is-Salib tara l-eżempju tal-umiltà. Fil-Kruċifissjoni, Kristu huwa għeri. Imżeblaħ. Tradut minn kulħadd ħlief għal ommu u d-dixxiplu.
L-ubbidjenza ta’ Kristu hija eżemplari anki għalina. Tarah quddiemek, dak li obda sal-Kruċifissjoni sal-mewt tiegħu fuq l-għuda tas-salib.
L-Isqof Makarju ta’ Ġerusalemm u Sant’Elena jidentifikaw il-Kalvarju, il-qabar ta’ Kristu u l-Għuda tas-Salib. Ftit wara, Kostantinu l-imperatur jibni knisja fuq il-post qaddis.
Maż-żmien, ir-relikwi tas-Salib, magħrufin bil-Malti bħala Veru Linju, baqgħu igawdu importanza speċjali fil-kult devozzjonali fil-knejjes tagħna. Bosta għandhom biċċa żgħira jew replica li tkun intmesset mal-Għuda tas-Salib.
Fil-fatt, fil-Katidral fejn ninsabu nsibu relikwija ta’ Veru Linju f’ġebla kristallina fil-forma ta’ salib żgħir imqiegħda ma’ salib tal-fidda. Dan huwa x’aktarx xogħol tas-seklu sbatax. Dawn ir-relikwi jgħinuna nidħlu f’dimensjoni reliġjuża u esperjenza sagra.
“Insellmulek O Salib, Sinja t’imħabba, Int l-aqwa fost is-siġar, għax żgur li m’hemmx oħra tixbah lilek fil-frott, fil-ward u fil-weraq. O għuda ħelwa, x’piż ħelu rfajt fuqek!
Nitolbuk rattab l-ebusija li tatek in-natura sabiex tkun sodda ratba u xierqa għall-ġisem tar-Re tagħna.
Int biss kont dik li stħaqqlek tnewwel il-prezz tal-fidwa u tħejji port għalina, sabiex fih, mill-għarqa lkoll insalvaw, maħsulin fid-Demm Imqaddes tal-Ħaruf.“